Coronavirus Edukazzjoni Ekonomija Kummerċ Lokali Xjenza u Teknoloġija

Il-PN bi pjan għall-irkupru ekonomiku mwieżen u b’aktar miżuri mmirati għan-nies

“Irridu ekonomija vera u moderna li tkun imsejsa fuq setturi b’valur miżjud u mhux ekonomija tan-numri jew mibnija biss fuq il-konsum, biex il-ġid li noħolqu verament jasal għand kulħadd.”, hekk qal il-Viċi Kap tal-PN David Agius waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Kelliema Ivan Bartolo u Clyde Puli.

David Agius qal li l-Gvern naqas fl-iskemi tal-għajnuna li ħabbar waqt il-pandemija, fosthom mal-eluf ta’ ħaddiema li tħallew barra mill-iskemi, n-nuqqas ta’ tagħrif dwar l-ipproċessar u l-ittardjar biex dawk l-applikazzjonijiet aċċettati u finalment jingħataw il-fondi. Huwa qal li ma nistgħux nibqgħu nkabbru d-distakk bejn l-għani u l-fqir, noħolqu saffi ta’ faqar ġdid u nżidu l-għadd ta’ persuni fir-riskju tal-faqar minħabba kirjiet eżaġerati. Minflok irridu li noħolqu aktar xogħol ta’ kwalità, nixprunaw ‘il quddiem l-investiment f’niċeċ ġodda, ninċentivaw il-bżulija u nippremjaha, nħeġġu l-innovazzjoni u l-ftuħ ta’ negozji ġodda innovattivi u nemmnu fil-kontribut tal-SMEs għall-ekonomija għax dawn ilkoll katina waħda.

David Agius ħabbar l-ewwel sett ta’ miżuri soċjali għall-familji Maltin u Għawdxin, li jinkludu:

  • Inwieżnu bis-sħiħ lil bosta familji li tilfu l-impjieg: inċentivi u miżuri biex ma jibqgħux jiddependu fuq il-benefiċċji jew fuq ir-reġistru tal-qgħad, u jsibu posthom lura fis-suq tax-xogħol.
  • Inwieżnu lill-familji foqra jew fir-riskju tal-faqar: għajnuniet diretti lill-persuni vulnerabbli, housing soċjali lil min ilu snin jitlob din l-għajnuna u ninvestu bil-kbir fl-edukazzjoni.
  • Irridu lill-pensjonanti kollha jlaħħqu mal-ħajja: pensjonijiet xierqa u sostenibbli li jiżguraw li l-anzjani għixien diċenti u inizjattivi għall-kuntatt bi prekawzjoni fid-djar tal-anzjani u fl-isptarijiet.
  • Insaħħu r-rwol tal-mara fis-soċjetà tagħna: b’mod konkret in-nisa jkunu fuq quddiemnett biex jissoktaw il-bidliet fis-soċjetà tagħna għall-aħjar.
  • Aktar aċċessibbiltà fiżika lill-persuni b’diżabbiltà: intejbu l-kwalità tal-ħajja għall-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa.
  • Inżidu l-mobbiltà soċjali għaż-żgħażagħ tagħna: nistħarrġu u negħlbu kull ostaklu għas-suċċess fil-ħajja u fil-karriera tal-ġenerazzjonijiet li jmiss biex ikollna soċjetà aktar mobbli.
  • Nippromwovu u ninċentivaw il-mudell tal-investiment soċjali: aktar investiment soċjali, nħajru u nħeġġu aktar organizzazzjonijiet komunitarji u volontarji, innovaturi soċjali u intrapriżi soċjali li jimpenjaw ruħhom f’attivitajiet kummerċjali u tan-negozju.
  • Ninsistu fuq tnaqqis sinifikanti fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma: il-kontijiet tad-dawl għandhom jorħsu b’50%.

Il-Viċi Kap tal-PN qal li l-10 pilastri fil-Pjan għal Malta għall-irkupru ekonomiku wara l-pandemija li ressaq il-PN huwa pjan studjat li jtaffi l-impatt ekonomiku tal-pandemija u li jħares ‘il quddiem.

Clyde Puli qal li fid-diskussjoni dwar il-virus apparti dik medika hemm diskussjoni oħra dwar kif se mmorru lura għan-normalita’, kif se ngħixu ħajjitna u mmorru lura għax-xogħol u min se jieħu ħsieb it-tfal jekk il-ġenituri jaħdmu. Dan meta l-iskejjel se jibqgħu magħluqin sal-aħħar tas-sena skolastika, Skola Sajf se tiftaħ fl-1 ta’ Lulju u eluf ta’ ġenituri għadhom għaddejjin b’home schooling u għalhekk wieħed ma jistax jifhem għalfejn it-teleworking mhux jiġi inkoraġġit meta kienet esperjenza pożittiva u miżuri family friendly. Huwa qal li l-Gvern għandu jkun pijunier speċjalment meta hemm mal-50,000 persuna li jaħdmu mal-Gvern stess jew mal-entitajiet tiegħu. Miżura li tissarraf f’inqas nies fl-uffiċċji, inqas traffiku, inqas tniġġis tal-arja u mard u impatt pożittiv fuq il-well being tal-familji. Huwa appella lill-Gvern biex ikompli jsib metodi kif jibqa’ jħaddem t-telework li huwa ta’ benefiċċju għal ħafna raġunijiet.

Clyde Puli qal li l-PN ilu mill-bidunett tal-pandemija jisħaq biex il-Gvern ma jħalli l-ebda impjieg jintilef għax dan ikun ifisser piż akbar fuq il-finanzi tal-pajjiż. Konna tlabna lill-Gvern jgħin finanzjament lil dawk li jħaddmu u lin-negozjanti biex iżommu l-ħaddiema magħhom, għax jekk dawn il-persuni jispiċċaw qegħda, il-familji tagħna jkollhom iżjed tbatijiet finanzjarji u l-Gvern finalment ikollu jonfoq ferm aktar biex dawn il-persuni jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol. Huwa qal li l-Ministri u d-deputati tal-Gvern illum qegħdin qed juru li ma jafux kemm hawn persuni bla xogħol meta ċ-ċifri tal-NSO juru li lħaqna kważi 11,000 persuna bla xogħol. Clyde Puli qal li l-PN tal-fehma, li l-Gvern jeħtieġ jibqa’ jinvesti s-surplus li tant ftaħar bih fin-nies u jara li kulħadd iqum fuq saqajh b’għajnuna fl-immedjat, li tnaqqas il-qgħad u li tkun injezzjoni fil-bwiet tan-nies.

Ivan Bartolo qal li rridu nkunu ċerti li min qed ibati minn nuqqas ta’ impjieg ma jaqax fil-faqar u jitħalla mingħajr il-bżonnjiet bażiċi. Dan meta mir-rapport tal-Eurostat t’Ottubru li għadda jirriżulta li n-numru tal-Maltin f’riskju li jiġu affettwati mill-faqar wara li jirċievu xi benefiċċju soċjali żdied għal 16.8% u n-nies affettwati mill-faqar tela’ għal madwar 90,000 persuna. Huwa qal li s-sitwazzjoni ta’ numru kbir ta’anzjani u dawk fil-bżonn kapaċi tmur għall-agħar, speċjalment jekk spejjeż relatati ma’ mard iwasslu għall-faqar.

Ivan Bartolo qal li l-pandemija għallmitna naħsbuha differenti kif għandna nissoċjalizzaw, naħdmu u nedukaw ruħna u uliedna, qed tgħallimna niftħu għajnejna, u naraw kif rridu nibdlu l-attitudnijiet u l-ħsibijiet tagħna fuq  oqsma socjali u ekonomici bħall-impjiegi u l-faqar, fuq min hu verament kapaċi jaqa’ fil-faqar, u fuq kemm hu diffiċli toħroġ minnu waħdek. Huwa qal li fit-triq li l-ekonomija tmur lura għan-normalita’ nistennew li parti ikbar tal-popolazzjoni li tispiċċa f’riskju tal-faqar, u mhux faċli joħorġu minnu mingħajr miżuri sodi min-naħa tal-Gvern. Dan meta hawn min għadu ma bbenefikax mill-miżuri ta’ għajnuna għall-pandemija.

Ivan Bartolo qal li minkejja l-ftaħir bis-surplus, l-Gvern m’għandux għal min qed iħoss il-qiegħ, meta għandna bżonn miżuri biex inżidu l-opportunitajiet ekonomiċi għall-familji bi dħul baxx. Huwa enfasizza fuq il-bzonn għall-patt socjali gdid li ressqet l-Oppożizzjoni, fejn flimkien mal-istakeholders kollha, madwar il-mejda nfassal vizjoni ekonomika mibnija fuq ir-realtajiet soċjali u fejn ħadd ma jkun nieqes minn ħajja dinjituża. Huwa qal li għandha tkun ikkunsidrata unemployment insurance li tippreveni li wieħed jaqa’ fil-faqar bin-nuqqas tax-xogħol.

Din il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata mill-Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet Parlamentari David Agius, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni u t-Tiġdid tad-Dinja tax-Xogħol u d-Djalogu Soċjali Parteċipattiv Clyde Puli u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Akkomodazzjoni Soċjali, l-Glieda kontra l-Faqar ta’ Kull Tip, Solitudni u l-Esklużjoni Soċjali Ivan Bartolo.