Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke semgħet diversi xhieda li huma esperti tad-DNA fil-farmaċewtika u dawk relatati mad-droga hekk kif kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni ta’ Jordan Azzopardi u s-sieħba tiegħu ta’ 32 sena.
Meta kompla l-każ espert farmakoloġiku maħtur mill-Qorti ppreżenta lill-Maġistrat Doreen Clarke bir-rapport tiegħu fil-kumpilazzjonijiet tal-provi li qegħdin isiru flimkien. Ħareġ li l-kannabis kienet instabet flimkien ma steriods u diversi mediċini ADHD li huma legali.
Esperti oħra li xehedu kienu jinkludu wkoll espert tal-marki tas-swaba li ppreżenta rapport aġġornat, u speċjalista fid-DNA. Azzopardi ta’ 30 sena u oriġinarjament residenti l-Qawra qed jiġi mixli b’pussess u traffikar ta’ droga kannabis u kokaina, kif ukoll ta’ ċirkolazzjoni ta’ karti tal-ewro foloz u pusses ta’ arma tan-nar b’kalibru 0.25.
Kienu madwar 11-il xhud f’seduta li damet madward siegħa u nofs.
Fost ix-xhieda li nstemgħu kien hemm l-ispiżjar Godwin Sammut illi kien ġie nominat sabiex janaliżża sejba ta’ sustanza tad-droga ġewwa ż-Żebbiegħ u ġewwa l-Madliena.
Illi d-droga misjuba ġewwa ż-Żebbiegħ instabet fiha is-sustanza ta’ kokaina fejn kien hemm biss traċċi. F’dik misjuba ġewwa l-Madliena kien hemm is-sustanza tal-kannabis fejn kien hemm l-ammont ta’ ħames grammi.
Xehdu wkoll diversi rapprezentanti tal-banek li kkonfermaw li Jordan Azzopardi ma kellux kontijiet bankarji u flus depożitati magħhom. Inoltre s-sieħba tiegħu kellha rrikors tagħha sabiex jiżdidilha l-ħin li tista’ ddum barra milqugħ sal 10pm.
Jordan Azzopardi, qed jiġi akkużat li huwa l-moħħ wara ċirku ta’ traffikar ta’ droga u ċirkulazzjoni ta’ flus foloz, u li kien involut f’attivitajiet li waslu għal numru ta’ raids tal-pulizija qabel ma finalment kien ġie arrestat f’Marzu tas-sena l-oħra u mressaq il-Qorti.
Huwa qed jiġi akkużat li f’Marzu tal-2019 kien il-moħħ wara ċirku fuq skala kbira ta’ traffikar ta’ kokaina u eroina. Huwa jinsab akkużat ukoll li għamel vjolenza fil-konfront ta’ dawk li allegatament kienu jaħdmu miegħu fit-traffikar tad-droga.
Huwa akkużat ukoll ma’ reati relatati ma ħasil ta’ flus u li ppromova organiżazzjoni bil-għan li jwettaq offiżi kriminali. Huwa qed jiġi mixli wkoll li ffroda tliet stabbilimenti f’San Ġwann u Tas-Sliema u li kiser il-libertà proviżorja.
Il-kumpilazzjoni li ilha sejra sena u tliet xhur fejn għadd ta’ xhieda diġa taw il-verżjoni tagħhom fil-Qorti. It-tfajla tiegħu, li isimha ma jistax jissemma biex jiġu protetti l-ħames uliedha qed tkun akkużata separatament għal reati relatati.
Skont il-Pulizija allegatament Jordan Azzopardi kien iħaddem 40 persuna bil-paga għat-traffikar tad-droga. Sadanittant l-avukat Joe Giglio ngħaqad mal-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia fit-tim tad-difiża ta’ Jordan Azzopardi. L-ispetturi Mark Mercieca, Justine Grech u Nicholas Azzopardi qegħdin imexxu l-Prosekuzzjoni.
Il-każ ikompli fit-8 ta’ Lulju li ġej. Għas-sieħba ta’ Jordan Azzopardi qegħdin jidhru l-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia.
//= $special ?>