Edukazzjoni Lokali

Inizjattiva ġdida mill-MUT

L-MUT nidiet fondazzjoni ġdida fi ħdanha, li nħolqot biex tieħu ħsieb l-aspett professjonali tal-union. Din il-fondazzjoni, li ġiet imsemmija Fondazzjoni Sagħtar, bdiet taħdem fuq diversi proġetti, fosthom pubblikazzjonijiet, taħriġ u attivitajiet b’rabta mal-professjoni edukattiva.

Il-portal ta’ Fondazzjoni Sagħtar, saghtar.org.mt, diġà għandu diversi servizzi edukattivi, relatati b’mod partikolari mar-rivista Sagħtar…. u diġà rreġistraw fih u bdew jagħmlu użu minnu ’l fuq minn 1,300 persuna.

Il-Fondazzjoni ser tkun qed tħares lejn il-promozzjoni tal-edukazzjoni b’mod wiesa’, u għalhekk trid tikkontribwixxi b’diversi modi għat-tkabbir tal-professjoni tal-edukaturi, it-titjib tal-livell tal-edukazzjoni u fuq kollox is-servizzi lill-istudenti nfushom.

Waqt konferenza tal-ahbarijiet il-President tal-MUT Marco Bonnici saħaq li din il-fondazzjoni qed turi biċ-ċar li l-impenn tal-union mhuwiex biss li jitrattaw il-problemi tal-qasam edukattiv…imma li jkunu parti mis-soluzzjoni. Permezz ta’ Fondazzjoni Sagħtar l-MUT issa qiegħda f’pożizzjoni aħjar li twettaq l-irwol doppju tagħha bħala organizzazzjoni trejdjunjonistika u professjonali.

Elaine Germani, Chairperson tal-Fondazzjoni Sagħtar u Viċi President tal-MUT, qalet li parti integrali mill-ħidma ta’ Fondazzjoni Sagħtar se tkun il-pubblikazzjoni u t-tixrid ta’ materjal edukattiv kemm għall-edukaturi u b’mod speċjali għall-istudenti.

Ewlenija fost il-pubblikazzjonijiet fil-ħidma tal-Fondazzjoni se tkun ir-rivista Sagħtar.