Sport Sport Ieħor

It-taħriġ komplut tal-isport b’kuntatt jista’ jkompli mill-1 ta’ Lulju

It-tiġrijiet taż-żwiemel lura mit-3 ta’ Lulju

Minn nhar il-Ġimgħa li ġej, l-isport individwali li mhux ta’ kuntatt se jkun jista’ jiġi pprattikat kollu anki f’termini ta’ kompetizzjonijiet. Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima f’konferenza stampa fil-Korsa tal-Marsa. Clifton Grima ħabbar ukoll l-isport indoor jista’ jsir iżda b’limitu ta’ mhux aktar minn 75 persuna filwaqt li l-isport ta’ kuntatt jista’ jirritorna mix-xahar id-dieħel. It-taħriġ jista’ jibda fl-1 ta’ Lulju filwaqt li l-kompetizzjonijiet uffiċjali jistgħu jibdew fil-15 ta’ Lulju.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta Mark Cutajar qal li madwar ġimagħtejn ilu ġew illaxkati ċertu restrizzjonijiet bl-ewwel linji gwida għall-isport li jkun ipprattikat fuq barra, issa jinsabu f’pożizzjoni li jneħħu aktar restrizzjonijiet. Hu ħabbar li nhar it-Tnejn se jiftħu l-applikazzjonijiet ta’ Summer on the Move filwaqt li kkonferma li l-ħaddiema ta’ SportMalta se jaħdmu b’ċertu flessibbiltà biex josservaw ir-regoli tad-distanza soċjali.

Fost l-isport kompetittiv li se jirritorna hemm it-Tiġrijiet taż-Żwiemel. Għalkemm f’dawn ix-xhur ma sarx il-Kampjonati tal-Franċiżi kif ukoll tat-Tazza tal-Kbira, l-istaġun tas-sajf se jibda fit-3 ta’ Lulju sal-14 ta’ Awwissu. Għat-tielet sena konsekuttiva, il-kampjonat se jkun sponsorjat mill-MRTL, il-konsorzju li hu responsabbli mill-privatizzazzjoni tal-korsa tal-Marsa. Iċ-chairman tal-Malta Racing Club Edwin Borg saħaq li l-prijorità assoluta hi s-saħħa ta’ dawk involuti u kkonferma li t-tlielaq se jsiru mingħajr spettaturi.

(Ritratt: Joseph Galea)