Il-goalkeeper Malti Rashed Al-tumi spiċċa mgħajjar minn uffiċjal ta’ nursery lokali wara li fuq il-media soċjali kkundanna l-qtil ta’ George Floyd fl-Istati Uniti. B’risposta għall-kummenti ta’ Al-tumi, Manuel Pisani li hu uffiċjal ta’ San Ġwann irrispondieh b’kummenti bħal “mur lura pajjiżek” u “int mhux Malti, ġejt żgħir u għallimniek xi ħaġa” sempliċiment għaliex iż-żagħżugħ Malti għandu ġilda skura.
Al-tumi mhux biss hu Malti iżda meqjus bħala wieħed mill-iktar gowlkipers promittenti tant li jirrappreżenta lil Malta bħala parti mill-iskwadra nazzjonali. Dan apparti li hu wieħed mill-ftit plejers Maltin li jilagħbu barra minn xtutna.
Fi stqarrija, l-MFA esprimiet solidarjetà mal-gowlkiper Malti u talbet lill-YFA biex tinvolvi ruħha fis-sitwazzjoni. L-assoċjazzjoni Maltija tal-futbol irrimarkat li dan mhux l-ewwel inċident fl-aħħar jiem dwar dan is-suġġett hekk kif il-plejers Maltin Yannick Yankam u Jacob Walker ukoll kienu suġġett għal abbuż razzjali fuq il-media soċjali. L-MFA saħqet li r-razziżmu u d-diskriminazzjoni ma għandhomx post fis-soċjetà tagħna.
Il-YFA wkoll esprimiet is-solidarjetà ma’ Rashed Al-tumi u qalet li dejjem aġixxiet dwar rapporti ta’ dan it-tip. Is-Segretarju Ġenerali tal-YFA Joe Micallef ikkonferma li l-uffiċjal tan-nursery tkeċċa minn San Ġwann u mhux eskluż li jittieħdu aktar passi. Il-klabb ta’ Valletta kif ukoll in-nursery tal-istess klabb ukoll ikkundannaw dan il-kumment.
//= $special ?>