Coronavirus Kultura Lokali Saħħa

Konfużjoni sħiħa; il-Gvern għadu ma ħariġx linji gwida

Huma ħafna dawk li qed iqajjmu numru ta’ mistoqsijiet fir-rigward tar-rilass tal-miżuri li se jibda mill-Ġimgħa 5 ta’ Ġunju.

Dan hekk kif filwaqt li t-Tnejn li għadda l-Prim Ministru Robert Abela saħaq li kollox se jirritorna għan-normal, illum il-Professur Charmaine Gauci waqt il-bulettin mediku saħqet li bħalissa qed jinkitbu numru linji gwida li għadhom mhux ippublikati.

Dan qed joħloq konfużjoni sħiħa hekk kif kull persuna f’kull settur ma tistax tippjana biex terġa’ lura għan-normal appenna jitneħħew il-miżuri fi żmien jumejn oħra.

Dan l-ilment tqajjem fl-aħħar ħin minn Janice Grech, il-producer tal-programm Akila li jixxandar fuq Net Television.

Permezz ta’ filmat fuq Facebook, Grech saħqet li kif jidhru l-affarijiet, ma tistax tiftaħ il-klassijiet tagħha mill-ġdid.

L-istess ilment għamluh numru ta’ skejjel taż-żfin li għadhom sal-lum ma jafux eżatt jekk jistgħux jiftħu mill-ġdid u x’miżuri jridu jieħdu għas-sigurtà ta’ dawk li jattendu li l-maġġoranza tagħhom huma tfal.

Dan it-tħassib tqajjem ukoll minn persuni li joperaw numru ta’ gyms madwar pajjiżna.