Lokali

“Kulħadd irid jerfa’ r-responsabbiltà ta’ għemilu” – Carmelo Abela

Il-Ministru Carmelo Abela ifarfar…u dwar id-Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona, jinsisti li kulhadd irid jerfa’ r-responsabbiltà. Dan wara li fil-Qorti, fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, reġa’ feġġ isem Chris Cardona…u l-allegazzjoni serjissima li fuq wieħed mill-moblies tal-qattiela kien hemm in-numru tal-eks Ministru.

U filwaqt li l-Ministru Carmelo Abela jghid li kulħadd irid iġorr ir-responsabbiltà… il-Prim Ministru Robert Abela waqa’ fil-muta. Għaddew jumejn mix-xiehda li ngħatat fil-Qorti dwar id-Deputy Leader Laburista, u sa issa l-Prim Ministru għadu ma lissinx kelma.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Partit Nazzjonalista qal illi huwa fid-dover jagħmel għadd ta’ mistoqsijiet lill-Prim Ministru Robert Abela. Fosthom jekk hemmx xi patt bejn Robert Abela u Joseph Muscat li jfisser li Chris Cardona ma jitneħħiex minn Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, jigri x’jigri.

Il-Partit Nazzjonalista staqsa wkoll jekk il-Prim Ministru hux sejjer minn jeddu jitlob li l-Puliżija tinvestiga bl-aktar mod assolut u immedjat l-allegazzjonijiet kollha li saru fil-Qorti, mhux biss fil-konfront ta’ Chris Cardona, imma anki fil-konfront tal-eks Assistent Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta.

Intant…mistoqsi minn dan l-istazzjon dwar x’qed jagħmel il-Gvern biex pajjiżna ma jkunx black listed wara r-rapport tal-Moneyval, Carmelo Abela ma tax ezempju wieħed konret ta’ x’tip ta’ azzjoni qed tittieħed. Il-Ministru naqas ukoll milli jwieġeb dwar il-fethim li għamel il-Prim Ministru Robert Abela waqt iż-żjara tiegħu fil-Libja.