Kultura Kurżitajiet Lokali

L-FOIPN jikkundanna l-attakki fuq persuni transgender

Jesprimu solidarjetà ma' Terry Muscat u Angela Coleiro

Fi stqarrija, il-Forum Opportunitajiet Indaqs tal-Partit Nazzjonalista (FOIPN) kkundanna bil-qawwa l-attakki kollha li jsiru fuq persuni transgender, bl-aħħar każi ta’ Terry Muscat u dak irrappurtat fil-midja fuq il-preżentattriċi Angela Coleiro.

Dan il-każ tal-aħħar seħħ fuq il-mezzi soċjali wara li hija esprimiet ruħha fuq materja ta’ natura politika, meta ġiet mgħajra u ffastidjata bl-aktar mod oxxen minn persuni b’opinjoni politika differenti.

L-FOIPN tenna li dan kollu juri li minkejja li l-Partit Laburista jistqarr li huwa moviment ta’ progressivi u liberali, fi ħdanu għandu persuni li l-ewwel nett ma jemmnux fid-dritt tal-espressjoni ħielsa u t-tieni jqisu lill-persuni LGBTIQ bħala ċittadini inferjuri u tat-tieni klassi.

“Huwa evidenti li tul is-snin li għaddew Gvern Laburista nqeda b’persuni LGBTIQ għal finijiet politiċi, u għalkemm tahom diversi drittijiet kif għandu jkun, ma investa xejn f’kampanji ta’ edukazzjoni sabiex dak li hu miktub fil-liġi jkun rifless fis-soċjetà Maltija.”

L-FOIPN wera solidarjetà ma’ Muscat u Coleiro u mal-persuni transgender kollha, li ta kuljum jispiċċaw vittmi ta’ attakki personali, uħud jibqgħu jbatu fis-silenzju, filwaqt li jittamaw li l-pulizija jinvestigaw u jaraw li ssir ġustizzja.