Internazzjonali

L-Indja: Il-belt ta’ Mumbai tiffaċċja ‘l-agħar ċiklun’

Il-belt ta’ Mumbai, magħrufa bħala l-kapitali finanzjarja tal-Indja u li għandha popolazzjoni mdaqqsa,  qed tikkonfronta l-akbar mewġa ta’ maltemp għal għexieren ta’ snin. Dan waqt li ċiklun qawwi bl-isem Nisarga, kompla javvanza mid-direzzjoni tal-Baħar Għarbi, waqt li laqat il-kosta Indjana lejn il-Punent — bl-elementi intensivi tiegħu javviċinaw l-inħawi ta’ Mumbai.

L-awtoritajiet, sa minn qabel, għamlu kull tentattiv biex jevitaw il-konsegwenzi katastrofiċi taċ-ċiklun, bis-sajjieda jtellgħu d-dgħajjes fuq l-art waqt li għexieren ta’ eluf ta’ residenti qalb iz-zoni tal-kosta trasferew lejn artijiet aktar għoljin.

L-esperti qablu li ċ-ċiklun hu l-ewwel wieħed ta’ kalibru straordinarju li, għall-ewwel darba ‘f’ġenerazzjonijiet’, qed jhedded il-kapitali finanzjarja tal-Indja fejn qed jgħixu 20 miljun persuna u li ntlaqtet ħażin mill-pandemija tal-Covid-19.

Fost l-ewwel inħawi li ntlaqtu mill-maltemp ta’ ‘Nisarga’ kien hemm il-madwar ta’ Alibaug – il-kapitali tal-Istat ta’ Maharashtra u li hi attrazzjoni kbira għan-nies li jħobbu jqattgħu tmiem il-ġimgħa maġenb il-baħar.

Intant, l-Istat ta’ Gujarat ukoll kien qed jidher ‘fil-mira’ taċ-ċiklun, bid-Dipartiment Meteoroliġiku joħroġ twissija uffiċjali dwar ‘il-maltemp ta’ Nisarga li deher jirranka b’veloċità terribbli’.