Qorti

Ordnata l-estradizzjoni lejn l-Ungerija biex Sirjan jgħaddi ġuri fuq traffikar ta’ persuni

Sirjan li qed jiġi mfittex mill-awtoritajiet fl-Ungerija fejn saret talba għalih minn dan il-pajjiż għall-estradizzjoni fuq allegat traffikar ta’ persuni ġie ordnat mill-Qorti biex jħalli Malta u jgħaddi ġuri f’dan il-pajjiż.

Ir-raġel, Aljelda Loiai ta’ 48 sena, magħruf ukoll bħala Abu Hamza, kien ġie arrestat mill-Pulizija ta’ kontra t-terroriżmu f’Malta f’Mejju wara li nħareġ Mandat ta’ Arrest Ewropew.

Dan il-mandat inħareġ mill-Qorti Distrettwali fi Gyor, l-Ungerija, f’Diċembru tal-2019, biex huwa jiffaċċja akkużi għal allegat traffikar ta’ bnedmin kif ukoll għall-allegat involviment tiegħu f’reati dwar permessi fuq immigrazzjoni u permessi ta’ residenza. L-allegat reati seħħew bejn l-2016 u 2018.

Loiai kien ilu jgħix Malta għal sitt xhur u kien spiċċa arrestat fuq il-post tax-xogħol tiegħu f’Ħad-Dingli. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, iddeċidiet li t-talba kienet waħda leġittima u Loiai issa se jgħaddi ġuri fl-Ungerija.

L-Ispetturi Omar Zammit u George Cremona kienu qed mexxew il-Prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukati George Camilleri u Kaylee Bonett dehru għall-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.