Lokali Parlament

Raġunijiet inspjegabbli wara sponsors enormi fl-events tal-MTA

Mill-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi li llum ddiskuta l-kontijiet finanzjarji tal-Awtorità tat-Turiżmu jirriżultaw raġunijiet inspjegabbli għall-għoti ta’ sponsors ta’ mijiet ta eluf ta’ ewros għal events tal-MTA.

Id-deputat Nazzjonalista Chris Said staqsa dwar l-events tal-MTA u jekk l-għotja ta’ €617,000 għal-2018 għal Radio Festival kienitx approvata mill-kumitat responsabbli.

Hemm ukoll sponsors kbar oħra fosthom wieħed ta’ €1.2 miljun u ieħor ta’ €500,00 f’ammont totali ta’ €5 miljuni Dwar dan, Leslie Vella qal li qed jassumi li dawn kienu approvati mill-kumitat responsabbli mill-isponsors.

Hu sostna li kien id-Direttorat tal-Events li kien iktar ikun involut iżda meta kien ikun hemm ammonti kbar, kienu jkunu saru numru kbir ta’ diskussjonijiet mid-Direttorat. Leslie Vella qal li ma jiftakarx id-dettalji ta’ dawn l-isponsors.

L-ex Deputat Kap Eżekuttiv tal-MTA Leslie Vella naqas ukoll milli jwieġeb mistoqsijiet dwar diversi sponsors u dwar ir-raġunijiet għaliex ma baqgħux jinżammu minuti tal-laqgħat.

Beppe Fenech Adami appella lil Leslie Vella biex il-Kumitat ikollu lista ta’ sponsors li ngħataw fl-2017 u fl-2018 u kemm ingħataw u lista dwar it-talbiet li kienu rifjutati.

Jirriżulta li fl-2018 l-persuna li applikat lanqas tissemma’ u jingħad biss li ‘Lionel met client‘ fl-ammont ta’ €800,000. Chris Said qal li l-klijent inżamm sigriet u staqsa jekk dan hux aċċettabbli.

Leslie Vella ikkonferma li ‘Lionel’ hu Lionel Gerada Direttur tal-MTA u qal li ma jafx jekk it-€800,000 għall-World Snooker kienux approvati. Iċ-Chairman tal-Kumitat sa Marzu 2018 kien Paul Bugeja u wara kien Gavin Gulia.

Għal mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, Leslie Vella qal li ma kienx hemm fast track permezz ta’ Lionel Gerada. Chris Said qal li hemm okkażjonijiet fejn min qed jagħmel it-talba ma jidhirx b’ismu. Leslie Vella qal li l-budget ma kienux taħt ir-responsabbiltà tiegħu u assuma li kien hemm il-fondi għal dak li kien diskuss.

Fl-2018 kin hemm 30% tal-budget intefaq fuq attività waħda fil-15 ta’ Awissu fejn intefqu €1.2 miljun mis-€6 miljuni minfuqa. Leslie Vella qal li kien hemm sejħa pubblika fl-2018 fil-perjodu li Lionel Gerada kien diġà person of trust fil-Ministeru tat-Turiżmu.

Lelsie Vella qal li hu kien fil-Bord tal-Għażla u Lionel Gerada kien l-uniku applikant fejn kien jassumi li l-applikanti kienu jkunu skrutinzzati anki dwar il-passat tagħhom fosthom l-element kriminali.

Beppe Fenech Adami staqsa x’pożizzjoni kien jieħu kieku quddiemu jiġi applikant li jkun weħel sena ħabs fejn Leslie Vella qal li l-HR kienu jagħmlu l-analiżi tagħhom dwar l-applikanti.