Internazzjonali

Renju Unit: Miżuri ta’ kwarantina għall-barranin

Is-Segretarju għall-Intern tar-Renju Unit, Priti Patel, ikkonfermat li l-pajjiż, mit-8 ta’ Ġunju (nhar it-Tnejn), se jinsisti b’miżuri ġodda ta’ kwarantina għal kulmin jivvjaġġa lejn il-pajjiż minn barra.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-barranin li jaslu fit-territorji Britanniċi jkunu jridu jgħixu għal erbatax-il jum konsekuttivi fi stat ta’ iżolament. Dan waqt li Patel insistiet, f’diskors lill-Parlament, li ‘il-miżura hi meħtieġa għall-ħarsien tas-saħħa tal-Britanniċi’.

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson, ukoll qal, qabel, li dawn it-tipi ta’ miżuri huma kruċjali biex il-pajjiż ma jsofrix mewġa ġdida ta’ infezzjonijiet bil-Covid-19.

Johnson qal ukoll li r-riżultati ta’ kważi t-testijiet kollha tal-coronavirus fil-pajjiż se jkunu jistgħu jinkisbu ‘fi żmien 24 siegħa’ sal-aħħar ta’ dan ix-xahar.