Internazzjonali

Stati Uniti: Aktar dimostrazzjonijiet kbar fl-ibliet, iżda l-vjolenza tonqos

Għexieren ta’ eluf ta’ nies, għat-tmien lejla konsekuttiva, ħadu sehem f’dimostrazzjonijiet biex jipprotestaw dwar il-mewt tar-raġel, iswed, George Floyd, li fil-25 ta’ Mejju tilef ħajtu b’kaġun ta’ brutalità eċċessiva min-naħa tal-pulizija li kienet arrestatu fil-belt ta’ Minneapolis.

Ħafna mid-dimostrazzjonijiet, fil-parti kbira kienu neqsin mill-inkwiet, bil-qraba ta’ George Floyd jissieħbu f’waħda mill-akbar azzjonjiiet ta’ protesta fil-belt ta’ Houston f’Texas.

Il-mewt, jew qtil ta’ Floyd kien inqabad fuq filmat li wera pulizija abjad – li issa jrid iwieġeb għal omiċidju – qed jagħfas irkubbtejh fuq l-għonq tal-vittma li kien qiegħed mal-art u fejn baqa’ jinjora t-talbiet ta’ Floyd għall-ħniena.

Il-protesti vjolenti li segwew il-qtil kienu fost l-agħar li qatt saru fl-ibliet prinċipali tal-Istati Uniti u li riflettaw ir-rabja ġenerali tal-poplu għat-trattament tal-Amerikani-suwed taħt idejn il-pulizija.

Intant, in-nies involuti fl-aħħar dimostrazzjonijiet sfidaw il-curfews imposti f’numru ta’ bliet wara l-vjolenza u s-serq mill-istabbimenti li karatterizzaw il-protesti tal-iljieli preċedenti. U waqt li ħafna mill-aħħar protesti dwar il-qtil ta’ Floyd imxew bil-kwiet, it-tensjoni baqgħet tinħass xorta waħda ma kullimkien.

Il-Papa Franġisku, sadanittant, appella biex ir-razziżmu ma jiġix injorat jew, wisq anqas, ittollerat. Fl-istess ħin, il-Kap tal-Kattoliċi ikkundanna l-vjolenza fl-ibliet Amerikani ‘li minnha mhu se jiggwadanja ħadd’.

Dan meta l-akbar sejħa fost id-dimostranti li qed joħonqu l-ibliet Amerikani qed tkun ‘għat-tmiem tar-razziżmu u d-diskriminazzjoni qalb is-soċjetà’.

Fl-aħħar żviluppi, il-militar kienu mill-ġdid skjerati fit-toroq ta’ Washington, bil-ħelikopters iduru fuq iz-zona tal-White House fejn kienu qed jimmarċjaw id-dimostranti. Intant, it-traffiku baqa’ imblukkat għal żmien f’Manhattan, fi New York, waqt li d-dimostranti injoraw il-curfew li kien ġie estiż għal ġimgħa.

Saru wkoll rallies kbar ta’ protesta f’Los Angeles, Philadelphia, Atlanta u Seattle, b’xi rapporti jirreferu għal sparar tal-gass tad-dmugħ fl-inħawi ta’ Portland, Seattle u Atlanta.