Lokali Parlament

Xejn m’għandu jżomm lill-gvern milli jagħmel inkejsta pubblika dwar il-qtil ta’ Miriam Pace

Claudio Grech, PN

Id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech qal li Xejn m’għandu jżomm lill-gvern milli jagħmel inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Miriam Pace.

Fil-parlament Claudio Grech tkellem dwar it-traġedja li fiha mietet Miriam Pace tliet xhur ilu u qal li l-OHSA tagħmel ħafna xogħol fuq siti ta’ kostruzzjoni. Hu sostna li l-familja Pace hi familja eżemplari fejn bint Miriam Pace qalet li ‘l-pajjiż qed jerġa’ lura għan-normalità iżda n-normalità tagħna spiċċat tliet shur ilu. Ma ninsewx dak li ġara għax dak ma kienx normali’.

Il-Prim Ministru kien qal li se jaħtar kumitat għal reviżjoni tal-prattiċi fis-settur tal-bini; għax biex dan isir kellha tinqatel persuna. Fit-23 ta’ April 2020 il-Prim Minsitru qal li dan lesta; xahar ilu l-PN ressaq mozzjoni għal inkjesta pubblika biex kulħadd jifhem l-organizzazzjonijiet pubbliċi naqsux f’dan l-inċident.

Claudio Grech qal li Miriam Pace intradmet iżda għall-gvern il-każ ta’ Miriam Pace mhux importanti għaliex lanqas biss tkellem fuq din it-talba. X’inhi d-diffikultà li ssir inkjesta pubblika dwar il-każ?

Għandu jingħata rendikont lill-familja Pace dwar jekk l-inċident setax ikun evitat jew jekk jiġri x’jiġri l-inċident ma setax ikun evitat, sostna Claudio Grech, li kompla li mhux aċċettabbli li titħarbat ħajja ta’ familja kif tħarbtet il-ħajja tal-familja Pace.

Id-deputat Nazzjonalista fakkar fil-kliem tar-raġel Miriam Pace meta qal ‘jien ma fadalli xejn; spiċċali kollox’ u qal li għandu jkun hemm qbil biex issir inkjesta pubblika. Dan hu obbligu lejn Miriam Pace, lejn il-familja Pace u lejn is-soċjetà biex in-nies f’darhom ma jkunux impoġġija kontra l-industrija tal-iżvilupp minħabba dawn il-każi.