Il-Kamra tal-Avukati, wara konsultazzjoni ma’ ġudikanti u t-tmexxija tal-Qrati u skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Awtoritajiet tas-Saħħa, ħarġet linji gwida dwar kif se jitmexxew is-seduti fl-Awli bl-ambitu tal-pandemija Covid-19
Fost l-iktar punti sinjifikanti hemm li f’kawżi ċivili, il-partijiet m’għandhomx għalfejn jattendu l-Qorti ħlief meta jkun hemm bżonn il-preżenza tagħhom waqt is-smiegħ tal-kawża. L-Avukati, partijiet u xhieda se jitħallew jidħlu biss fil-ħin li tissejjaħ il-kawża. Dawn mhux se jitħallew jidħlu fil-binja 15-il minuta qabel il-ħin tal-kawża.
Il-linji gwida huma kif ġej:
- It-Tmexxija tal-Awla hi fid-diskrezzjoni assoluta tal-ġudikant li jkun qed jippresjedi. Il-ġudikant jirregola in-numru ta’ nies li jidħlu fl-Awla fl-istess ħin.
- L-Avukati m’għandhomx jilbsu t-toga fl-Awli
- Fil-kawżi Ċivili, il-partijiet m’għandhomx jattendu l-Qorti jekk m’hemmx bżonn il-preżenza tagħhom waqt is-smiegħ tal-kawża. Għandhom jivverifikaw mal-avukati tagħhom qabel id-data tas-seduta.
- Partijiet f’kawżi Ċivili li waslu għad-deċiżjoni m’humiex meħtieġa jattendu l-Qorti filwaqt li d-deċiżjonijiet se jittellgħu online fuq is-sistema tal-Qorti fil-mument li jingħataw.
- Kulħadd irid juża hand sanitizer qabel jidħol fl-Awla.
- Kull persuna trid tilbes maskra. L-Avukati għandhom jaċċertaw li l-maskra li jkollhom tippermetti li jinftiehmu sewwa waqt li qed jitkellmu.
- Il-proċess fl-Awla mhux se jkun aċċessibbli jekk mhux b’eċċezzjoni mill-ġudikant skont iċ-ċirkostanzi. L-Avukati għandu jieħdu ħsieb li fejn huwa possibbli, ikollhom kopja tad-dokumenti li jkollhom bżonn biex isir eżami/kontroeżami ta’ xhieda. Dokumenti li jridu jkunu daħlu fil-proċess dakinhar tas-seduta għandhom jiġu preżentati fir-Reġistru mill-inqas tliet ijiem qabel is-smiegħ tas-seduta.
- Avukati, partijiet u xhieda jitħallew biss jidħlu fl-Awla fil-ħin li tissejjaħ l-kawża tagħhom u l-aċċess fil-bini tal-Qorti se jkun limitat għal mhux iktar minn kwarta qabel il-ħin tal-kawża.
- Il-persuni kollha fl-Awla għandhom iżommu distanza ta’ mill-inqas metru bejniethom.
- Ħadd ma jista’ jidħol wara l-perspex fejn il-bank tad-deputat għall-ebda ċirkostanza.
- Fi tmiem il-kawża li tkun ġiet imsejħa, il-persuni kollha, inkluż l-Avukati, għandhom joħorġu mill-Awla sakemm l-Avukati ma jkollhomx kawża immedjatament wara.