Internazzjonali

Ċina: In-nies f’Hong Kong ifakkru l-anniversarju ta’ Tiananmen waqt il-kriżi ma’ Beijing

Eluf ta’ nies madwar it-territorju semi-awtonomu ta’ Hong Kong għamlu li setgħu biex ifakkru l-inċidenti mdemmija tal-1989 fi Pjazza Tiananmen ta’ Beijing, waqt li sfidaw il-projbizzjoni għall-veljiet uffiċjali għal din is-sena.

Dan kien il-31 anniversarju ta’ meta t-truppi u t-tankijiet tal-gwerra tal-Armata Ċiniża komunista sparaw għal fuq id-dimostranti li kienu qed jinsistu għal aktar libertà u demokrazija. Qatt ma ngħataw ċifri uffiċjali tal-vittmi tal-massakru, bil-kalkoli tal-mejtin ivarjaw minn ‘ftit mijiet għal diversi eluf’.

Fis-snin preċedenti, għexieren ta’ eluf ta’ nies fakkru dan l-anniversarju iswed f’Hong Kong, iżda din is-sena l-veljiet fit-territorju kienu projbiti għal ‘raġunijiet relatati mal-coronavirus’  Dan fost il-kriżi politika kbira meta l-Gvern Ċiniż komunista qed jippjana liġi ġdida tas-sigurtà għal Hong Kong li mistennija tnaqqas sew mill-awtonomija ta’ din l-eks kolonja Britannika.

Eluf ta’ pulizija kienu skjerati qalb iz-zoni ta’ Hong Kong biex ma jippermettux ‘aktar’ attivitajiet li jfakkru l-anniversarju ta’ Tiananmen. Hong Kong u l-Makaw jibqgħu l-uniċi territorji taċ-Ċina li jfakkru l-anniversarju tal-massakru – bil-Gvern Ċiniż qatt ma jirreferi għall-‘4 ta’ Ġunju tal-1989’.

Fi żviluppi oħra, il-leġislaturi ta’ Hong Kong approvaw liġi kontroversjali li tikkonferma bħala reat ‘kull disrispett għall-innu nazzjonali taċ-Ċina’. Qabel il-vot, żewġ  deputati favur id-demokrazija wettqu protesta fl-assemblea ta’ Hong Kong biex ifakkru l-anniversarju tal-massakri u biex (anki) juru għadab ‘għall-poter tal-Partit Komunista Ċiniż li qiegħed jikber f’Hong Kong’.

Madankollu, l-Alleanza ta’ Hong Kong,  li torganizza l-velji annwali għall-massakru storiku, ippubblikat programm għal ‘attivitajiet ta’ tifkira’ fejn ir-residenti kienu mitluba jixgħelu x-xemgħat ‘fil-postijiet fejn jinsabu’ minbarra li josservaw minuta silenzju u ‘jkantaw is-slogans pro-demokratiċi’ .

Id-dimostranti f’Hong Kong, fl-aħħar sigħat, neħħew il-barrikati li kienu tqiegħdu madwar Victoria Park u organizzaw xorta l-attivitajiet ‘bix-xemgħat mixgħulin’ għall-anniversarju.

L-aħħar żviluppi seħħew fost it-tensjoni bejn ir-residenti f’Hong Kong u l-Gvern Ċiniż li għandu jimplimenta liġi biex kull resident fit-territorju semi-awtonomu jiffaċċa l-akkużi kriminali f’każ li ‘ifixkel l-awtorità ta’ Beijing’.

B’din il-liġi, iċ-Ċina kapaċi, għall-ewwel darba, iddaħħal l-aġenziji tas-sigurtà tagħha f’Hong Kong, bil-kritiċi jinkwetaw li għandu jisfuma l-kunċett ta’ ‘pajjiż wieħed b’żewġ sistemi ta’ ħajja (fiċ-Ċina u f’Hong Kong)’.