Il-pandemija tal-Covid-19 qed taqbad aktar fir-reġjun tal-Amerika Latina, bil-Brażil jirrapporta rekord ġdid ta’ 1,349 mewta mill-infezzjonijiet għal ġurnata waħda. Dan waqt li l-Messiku, għall-ewwel darba, ikkonferma ‘il fuq minn 1,000 vittma f’perjodu ta’ 24 siegħa.
Dan kien it-tieni jum konsekuttiv fejn il-Brażil irrapporta rekord ta’ imwiet, bit-total tal-vittmi fil-pajjiż jitla għal aktar minn 32,500.
L-istess Stat Latin Amerikan għandu madwar 600,000 każ ikkonfermat ta’ infezzjoni bil-coronavirus ġdid iżda għalkemm iċ-ċifri qegħdin jinkwetaw lil ħafna, il-Brażil għad mgħandux Ministru tas-Saħħa li qed jaqdi rwol permanenti.
Il-ħatra ta’ Eduardo Pazuello bħala Ministru tas-Saħħa proviżorju qed tindika li l-Gvern federali tal-Brażil mhux jieħu l-pandemija bis-serjetà li jixraq.
Dan fost il-kummenti kontroversjali tal-President Brażiljan, Jair Bolsonaro, li qed jgħid li ‘il-mewt hu d-destin ta’ kulħadd’ u li ‘il-media trid iġġorr ir-responsabbiltà talli qed tqajjem paniku fost il-Brażiljani’.
Il-Messiku, sadanittant, irrapporta 1,092 mewta ġdida mill-Covid-19 għal ġurnata waħda, bit-total tal-vittmi (mill-pandemija) f’artu jitla’ għal aktar minn 11,800.
L-infezzjonijiet għal perjodu ta’ 24 siegħa fil-Messiku wkoll laħqu l-livell ‘storiku’ ta’ 3,912 – bil-każi konfermati tal-coronavirus fil-pajjiż jaqbżu sew il-101,200.
L-uffiċjali lokali qed jgħidu li ‘il-vera ċifri fil-pajjiż x’aktarx li huma ħafna ogħla minn dan’. Il-Gvern Messikan qiegħed jiffaċċja kritika kontinwa talli fetaħ setturi tal-ekonomija – inklużi l-kostruzzjoni u l-industrija għall-produzzjoni tal-karozzi — fl-aħħar ġranet.
Il-Pan-American Health Organisation, fl-istess ħin, talbet lill-Messiku biex ma jiftaħx l-ekonomija tiegħu ‘malajr iż-żejjed’ minħabba l-possibbiltà li dan jaċċellera r-rata tal-infezzjonijiet bil-Covid-19.
Is-sitwazzjoni lanqas mhi tidher daqstant inkoraġġanti għal pajjiżi oħrajn fl-Amerika Latina.
Fl-Arġentina, il-President Alberto Fernandez kien mistenni jħabbar estensjoni tal-lockdown ( minħabba l-Covid-19) sal-21 ta’ Ġunju. L-agħar reġjun affettwat jinvolvi l-kapitali, Buenos Aires u z-zona metropolitana fil-madwar. Fil-fatt, 40 biss, minn fost id-949 każ ta’ infezzjoni reġistrati fl-aħħar jum f’dan il-pajjiż ma kenux ġejjin mir-reġjun partikulari.
Rapporti mill-Peru qalu, intant, li s-sitwazzjoni fl-isptarijiet tal-pajjiż saret dejjem aktar ‘kritika’ u fejn qed jispikka nuqqas akut ta’ tagħmir għall-pazjenti biex jingħataw l-ossiġinu.
Fil-Paragwaj, membru tal-Kungress, waqt sessjoni tal-Parlament, mexxa protesta personali kontra l-għeluq kontinwu tal-fruntiera tal-pajjiż mal-Brażil.
Jorge Antonio Britez qal li l-pont li jgħaqqad dik iz-zona tal-pajjiż ( li hu qed jirrappreżenta) mal-Brażil teħtieġ li tinfetaħ għall-kummerċ li minnu jiddependi l-għajxien ta’ ħafna. Il-Paragwaj kien għalaq il-fruntieri tiegħu f’nofs-Marzu biex jevita l-firxa tal-infezzjonijiet mill-Covid-19.
//= $special ?>