Coronavirus Lokali

Direttivi mill-MUT biex il-membri tagħha ma jirritornawx għax-xogħol

L-MUT fi stqarrija kkonfermat illi ma ġiet involuta bl-ebda mod fid-diskussjonijiet dwar id-deċiżjoni mill-Gvern sabiex numru ta’ gradi li tirrappreżenta jidħlu għax-xogħol minn għada.

L-informazzjoni li għandha l-union hi li l-postijiet tax-xogħol m’humiex attrezzati skont il-protokol maħruġ, li wkoll qatt ma ġie diskuss mal-MUT.

L-istess protokol jeżiġi diskussjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema u għalhekk dan diġà ġie miksur. Barra minn hekk huwa ċar li mhux qed isir risk assessment ġdid tal-postijiet tax-xogħol.

Għaldaqstant l-MUT insistiet illi mhix lesta li tħalli lil min ser jesponi l-membri rappreżentati minnha għal riskji f‘kuntest fejn in-normalità li tant qed tissemma m’hi normalità xejn iżda hi sensiela ta’ restrizzjonijiet li jridu jiġu imwettqa b’mod rigoruż.

Fid-dawl ta’ dan, u b’responsabbiltà lejn is-saħħa u s-sigurtà tal-membri, l-MUT qed tagħti direttivi li japplikaw fl-istituzzjonijiet kollha sabiex il-membri kollha rappreżentati minnha li ntalbu jirritornaw għax-xogħol ma jagħmlux dan u jkomplu jaħdmu minn djarhom kif kienu qed jagħmlu fl-aħħar ġimgħat.