“Mill-Aqwa Żmien għal pajjiż nieżel ‘l isfel” – David Agius
Il-Ministru fl-Uffiċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela, ma weġibx jekk iħossux komdu li hu u sħabu għadhom qed jiddefendu u jaħdmu mal-eks Ministru Konrad Mizzi.
F’dibattitu waqt il-programm Dissett fuq ix-Xandir Nazzjonali fejn kien qed jiġi diskuss il-manifest elettorali Laburista, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius staqsa lil Carmelo Abela hux komdu jwettaq il-manifest elettorali flimkien ma’ persuna miżgħud b’allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni.
Għall-kumment ta’ Carmelo Abela li dan huwa Gvern ta’ Good Governance ….David Agius saħaq li m’aħniex qed ngħixu f’pajjiż normali meta dan id-diskors joħroġ minn fomm membru tal-kabinett ta’ Joseph Muscat, l-eks Prim Ministru li mill-għajta tal-aqwa zmien kellu jwarrab wara li kien mifni bi kriżi politika.
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li ġaladarba l-Partit Laburista jibqa’ jixħet il-ħmieġ fuq id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi sempliċiment għaliex qeda dmirijietu ta’ avukat, bl-istess kejl il-Prim Ministru Robert Abela għandu jerfa’ r-responsabbilità tal-iskandli li twettqu mill-amministrazzjoni preċedenti, meta kien avukat tal-kabinett ta’ Joseph Muscat.
David Agius saħaq li minn manifest elettorali tal-aqwa żmien, pajjiżna spiċċa nieżel ‘l isfel b’sitt Kummissarji tal-Pulizija f’7 snin, u b’numru ta’ investigazzjonijiet.
Il-Viċi Kap Nazzjonalista fakkar f’lista sħiħa ta’ affarijiet li l-Partit Laburista wiegħed fil-manifest elettorali tiegħu u għadu ‘il bogħod milli jwettaq dak li wiegħed b’mod partikolari fil-gżira Għawdxija.
U minkejja l-wiegħda eterna tal-Partit Laburista dwar it-trakka, il-Ministru Carmelo Abela ammetta li ma sar xejn u għad iridu jsiru l-istudji …filwaqt li xeħet ukoll d-dubji tiegħu dwar iż-żona magħżula.
//= $special ?>