Coronavirus Lokali Saħħa

Il-benefiċċji marbuta mal-pandemija se jitwaqqfu

Il-Gvern jappella lil dawk li kienu meqjusa vulnerabbli biex imorru lura għax-xogħol
  • Tnejn mill-erba’ benefiċċji se jitwaqqfu immedjatament

L-erba’ benefiċċji soċjali li kienu varati mill-Gvern b’rabta mal-imxija tal-Covid-19 f’pajjiżna se jiġu fi tmiemhom.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Familja u s-Solidarjeta’ Soċjali Michael Falzon waqt konferenza tal-Aħbarijiet.

L-erba’ benefiċċji huma;

  • benefiċċju għal min għandu kundizzjoni medika li ma ħallietux imur għax-xogħol u ma setax jaħdem mid-dar
  • benefiċċju għal min għandu diżabilita’ li ma ħallietux imur għax-xogħol u ma setax jaħdem mid-dar
  • benefiċċju għal ġenituri li ma setgħux imorru għax-xogħol minħabba l-għeluq taċ-childcare centres u ma setgħux jaħdmu mid-dar.
  • benefiċċju għal min tilef ix-xogħol minħabba l-Covid-19 u l-imgħallem ma’ kienx jikkwalifika għall-iskemi ta’ Malta Enterprise

L-ewwel żewġ benefiċċji, jiġifieri dawk ta’ kundizzjoni medika jew ta’ diżabilita’, se jiġu fi tmiemhom din il-ġimgħa stess.

Iż-żewġ benefiċċji l-oħra huma skedati li jitwaqqfu sa erba’ ġimgħat oħra.

Il-Ministru Falzon qal li matul dawn il-ġimgħat, id-Dipartiment ħareġ qrib €20 miljun, kemm fil-benefiċċji infushom, kif ukoll kontribuzzjonijiet għas-Sigurita’ Soċjali.