Botta u risposta bejn il-Gvern u l-UĦM Voice of the Workers dwar il-possibbiltà li l-impjegati taċ-Ċivil jaħdmu mid-dar … partikolarment dawk li ma jistgħux imorru lura fl-uffiċċju minħabba li l-iskejjel huma magħluqa u ċ-Childcare Centres mhux se jkunu jistgħu jaċċettaw tfal daqs qabel.
Fil-fatt, dwar dan, il-UĦM Voice of the Workers fetħet tilwima industrijali mal-Gvern, bit-tama li dan jirtira d-direttiva mogħtija lill-ġenituri biex mill-Ġimgħa jirrappurtaw għax-xogħol fl-uffiċċju.
Il-Union innutat li dawn il-ġenituri partikolari se jkollhom diffikultà oħra għax ma jkunux jafu fejn jistgħu jħallu lil uliedhom. Dan hekk kif l-Iskejjel għadhom magħluqa, iċ-Childcare Centres ma joffrux servizz lil tfal akbar minn tliet snin u SkolaSajf mhux se tiftaħ qabel xahar ieħor … u kollha b’anqas kapaċità ta’ tfal minħabba d-direttivi tad-distanza soċjali.
Għaldaqstant, il-UĦM Voice of the Workers qed tappella lill-membri tagħha, li huma ġenituri u m’għandhomx ma’ min iħallu lil uliedhom, biex jibqgħu jagħmlu xogħolhom mid-dar bħalma qed jagħmlu s’issa.
Mistoqsi direttament minn NET News dwar il-konfużjoni li ħolqu d-direttivi tal-Gvern, il-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar tefa’ r-responsabbiltà ta’ deċiżjoni bħal din fuq it-tmexxija ta’ kull entità governattiva.
Hu ma għamel l-ebda referenza għall-persuni li sa qabel il-pandemija tal-Coronavirus ma kellhomx bżonn dan is-servizz ta’ childcare – għax kellhom ma’ min iħallu lil uliedhom – u issa le. Għal din ir-realtà ġdida u mimlija sfidi lil dawn il-ġenituri partikolari, il-Kap taċ-Ċivil ma għamel l-ebda referenza.
Min-naħa tagħha, il-UĦM Voice of the Workers qed tinsisti li d-deċiżjoni tal-Gvern li dawn il-ġenituri jridu jidħlu jaħdmu mill-uffiċċju ttieħdet bl-għaġla.
Filwaqt li fakkret kif din l-isfida l-ġdida se tkun qed iżżid pressjoni inutli fuq l-istess ġenituri, il-Union qalet li din id-direttiva tmur kontra dak li jgħid il-Gvern stess meta jsostni li t-teleworking hu t-triq ‘il quddiem.
//= $special ?>