Coronavirus Lokali Saħħa

Il-Gvern qed jgħidlek “jew flusek jew ħajtek” – UĦM

Ritratt: Matthew Tabone
Għada jerġgħu jiftħu l-ħwienet kollha, gyms, il-Qorti, ċentri ta' childcare u l-uffiċini tal-Gvern

Il-UĦM b’direttiva lill-ħaddiema vulnerabbli biex jibqgħu jaħdmu mid-dar

“Id-deċiżjoni li ħa l-Gvern nhar it-Tnejn qed tpoġġi lil persuni vulnerabbli f’sitwazzjoni assurda għax se jkollhom jagħżlu jekk jiħdux ħsieb saħħithom u ħajjithom, jew inkella jekk iridux jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum”.

Hekk ingħad fi stqarrija maħruġa mill-Union Ħaddiema Magħqudin fejn insistew li dan id-diskors tal-Gvern immexxi minn Robert Abela qed jikkuntrasta ferm mal-Linji Gwida għal persuni vulnerabbli ippublikati din il-ġimgħa mill-Uffiċċju tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.

Dawn il-linji gwida, għamluha ċara li l-COVID-19 mhux ħaġa tal-passat, ankè fid-dawl li s-Suprintendent tas-Saħħa Pubbliku, Professur Charmaine Gauci, sostniet li d-9 fatalitajiet li kellna kawża tal-Covid-19 kienu ġejjin minn dan is-settur ta’ nies.

Il-UĦM saħqet li minkejja li l-liġi tal-vulnerabbli ġiet irtirata l-Erbgħa filgħaxija, il-Linji Gwida qed jagħmluha ċara li l-vulnerabbli xorta waħda huma l-aktar li jinsabu f’periklu u għandhom iżommu attenzjoni massima.

“Jidher iżda biċ-ċar, li minn għada l-ġimgħa, il-ħaddiema l-aktar vulnerabbli u f’riskju ta’ mewt jekk jaqbadhom dan il-virus, se jintalbu jidħlu lura għax-xogħol”.

L-Union saħqet li din hija sitwazzjoni assurda li qed twassal sabiex dawn in-nies qed jikkunsidraw li jkollhom, jew jirriżenjaw jew inkella jitolbu leave mhux imħallas sabiex jibqgħu jieħdu ħsieb tagħhom infushom.

Il-UĦM insistiet li preżentament il-pubbliku jinsab f’konfużjoni totali l-għaliex hemm deskrepanza bejn il-linji gwida maħruġa mid-DOI u l-avviż legali irtirat fejn għandhom x’jaqsmu persuni vulnerabbli.

F’dan l-isfond il-UĦM Voice of the Workers bagħtet ittra u rreġistrat tilwima lis-Segretarju Permanent Ewlieni Mario Cutajar, u għamlitha ċara li dan mhux aċċettabbli. Infurmatu wkoll li,sakemm ikun hawn is-serħan tal-moħħ li dawn ilħaddiema mhux ser jiġu esposti għal dan il-virus, dawn il-ħaddiema se jkunu ordnati sabiex jibqgħu d-dar.

Għaldaqstant il-ħaddiema vulnerabbli, hekk kif imniżżla fil-linji gwida, qed jingħataw direttiva sabiex jibqgħu kif kienu sal-lum

Dan huwa dak li seħħ fir-rigward tal-linji gwida: Nhar it-Tnejn il-Prim Ministru tenna li jistenna li dawn il-ħaddiema jirritornaw lura għax-xogħol minn għada l-Ġimgħa, it-Tlieta inħarġu Linji Gwida li jgħidu l-maqlub, it-Tlieta bil-lejl il-linji gwida ġew irtirati bl-iskuża li dawn kienu antiki, iżda fil-verità ġew ikkreati t-Tlieta stess, l-Erbgħa’ jerġgħu jinħarġu l-istess linji gwida, skont il-Website tad-DOI.