Lokali

Konferma li qed jiżdiedu l-faqar u l-problemi soċjali f’Għawdex

Waqt laqgħa tal-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet ta’ Għawdex ħareġ ċar li qed jizdiedu l-każijiet ta’ faqar u problemi soċjali f’Għawdex u l-Gvern ftit li xejn qed jagħmel biex jindirizza dawn il-problemi.

Id-deputati Chris Said u Kevin Cutajar insistew li l-Gvern għandu jagixxi u jibda billi jagħmel rapport permezz ta’ esperti biex jiġi determinat kif qed jinbidel b’mod mgħaġġel ħafna it-tessut tas-soċjeta’ Għawdxija u x’qed iwassal biex żgħażagħ Għawdxin jitilqu lejn Malta u diversi familji jew persuni bi problemi soċjali jirrilokaw f’Għawdex.

Il-Kumitat Parlamentari għal Għawdex twaqqaf fuq inizjattiva tal-Oppożizzjoni u qed jiltaqa’ kull ġimgħa. Bħalissa qed jiddiskuti s-sitwazzjoni f’Għawdex konsegwenza tal-COVID-19 u t-triq ‘il quddiem. Saru diversi preżentazzjonijiet minn għaqdiet Għawdxin. Fil-laqgħa ħareġ ċar ukoll li l-Ministeru għal Għawdex mhux qed jikkonsulta ma’ stakeholders importanti ħafna.

Il-President tal-Kunsill Reġjonali għal Ghawdex Dr Samuel Azzopardi  stqarr waqt il-laqgħa li ma hemm l-ebda struttura Governattiva li fiha qed issir konsultazzjoni kontinwa mal-Kunsilli Lokali Għawdxin jew mal-Kunsill Reġjonali li jirrapreżenta l-istess Kunsilli Lokali.

Id-deputati Għawdxin sostnew li dan huwa nkwetatni għaliex juri li ma hemmx konsultazzjoni wiesa’ u ma hemm l-ebda pjan konkret li qed jinħadem biex Għawdex joħroġ minn din is-sitwazzjoni fl-iqsar zmien possibbli u bl-inqas danni possibbli. Il-Kumitat Parlamentari segwa wkoll preżentazzjoni dwar l-Isports f’Għawdex u d-deputati Ghawdxin urew il-preokupazzjoni tagħhom li minkejja li issa jista’ jiġi prattikat ċertu dixxiplini sportivi l-Gozo Sports Complex, l-uniku kumpless sportiv f’Għawdex, se jibqa’ magħluq għall-pubbliku għaliex qed jintuża mid-Dipartiment għall-Protezzjoni Ċivili. 

Huma appellaw biex dan jinfetaħ għall-użu tal-pubbliku sportiv Għawdxi u jinstab post alternattiv għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.