Lokali

Konfużjoni dwar ser jiġri għada

Il-benefiċċji ser jispiċċaw

Mill-Ġimgħa, jiftħu l-ħwienet kollha li sa issa kienu għadhom magħluqa…tatoo studios, teatri, swali taċ-ċinema, u ċ-childcare centres…se tiftaħ il-bini tal-Kurja u l-Qrati…filwaqt li jirritorna t-taħriġ tal-isports indoor li ma jinvolvix kuntatt.

Fejn jidħlu Gyms, dawn mhux ser ikunu qed jiftħu għada minħabba l-fatt li għadhom ma rċevewx il-protokolli neċessarji, bit-tir huwa li jiftħu l-ġimgħa d-dieħla. Fost l-oħrajn… qed jiġi propost li persuna ma tistax iddum aktar minn siegħa u nofs fil-gym, u li jkun hemm massimu ta’ għoxrin persuna jitħarġu f’daqqa waqt li jżommu distanza ta’ persuna kull sitt metru kwadru. Dan filwaqt li mhux ser ikunu qed jitħallew jintużaw ix-showers tal-binja.

Ritratt Martin Agius

Minn għada wkoll, il-persuni meqjusa għal dawn l-aħħar ġimgħat bħala vulnerabbli, ġew ordnati biex jidħlu għax-xogħol. U mhux hekk biss!

Issa, il-Ministru Michael Falzon, ħabbar li l-benefiċċju tal-Gvern għall-persuni li jsofru minn kundizzjoni medika jew diżabbilità u li ma setgħhux imorru għax-xogħol jew jaħdmu mid-dar mhux ser jibqa’ jingħata. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-UĦM ordnat direttiva ghall-persuni vulnerabbli sabiex jibqgħu jaħdmu mid-dar …għaliex fi kliemhom, il-Gvern qiegħed jgħidilhom biex jagħżlu bejn flushom jew ħajjithom.

Għada jiftħu ukoll l-iskejjel madwar Malta u Għawdex – inkluż iċ-ċentri ta’ kindergarten, Skejjel Terzjarji, Kulleġġi, u l-Università,  bl-MUT wkoll tordna direttivi din id-darba għall-għalliema biex ma jidħlux lura għax-xogħol. Dan l-għaliex il-union qed tisħaq li ma kienet involuta fl-ebda diskussjonijiet dwar din id-deċiżjoni ….u insistiet li l-postijiet tax-xogħol tal-għalliema għadhom mhux attrezzati u siguri skont il-protokolli.

Il-Junior College (Ritratt: Martin Agius)

Il-5 ta’ Ġunju jwassal ukoll għal ftuħ taċ-ċentri taċ-childcare, madanakollu b’numru ristrett ta’ persuni li jistgħu japplikaw sabiex jibgħatu lill-uliedhom.

Il-Ġimgħa ser ikunu qed jiftħu l-bibien tagħhom għall-pubbliku l-Qrati Maltin fejn il-ġudikant ser ikun qed jirregola n-numru ta’ nies li jidħlu fl-awla fl-istess ħin. Dan filwaqt li fil-Kawżi Ċivili l-partijiet m’għandhomx jattendu l-Qorti jekk ma jkunx hemm bżonn il-preżenza tagħhom waqt is-smiegħ tal-kawża.

Il-Knisja ser tiftaħ il-Kurja tal-Arċisqof għall-pubbliku iżda bħala miżura ta’ prekawzjoni kull min għandu bżonn iżur l-uffiċji irid jagħmel dan b’appuntament.

Filwaqt li ser ikunu qed jinfetħu wkoll l-ispazji pubbliċi, is-Suprintendent tas-Saħħa Pubbliku qed tpoġġi limitu ta’ 75 persuna li jistghu ikunu flimkien fl-istess hin.