Għawdex Lokali Transport

Kumpanija kontroversjala waħda mill-offerenti għall-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex

Niżvelaw l-ismijiet ta' dawk li tefgħu l-offerti għall-fażi li jmiss

Kumpanija kontroversjala hija fost l-erba’ li tefgħu offerti tagħhom biex tinbena mina bejn Malta u Għawdex.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, fil-preżenza wkoll tal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, il-Ministru tat-Trasport Ian Borg ħabbar li daħlu l-erba’ offerti, għalkemm ftit li xejn ta informazzjoni dwarhom.

Madankollu, NET News jinsab infurmat li l-offerti ppreżentati huma tal-konsorzji Malta Gozo Fixed Link Ltd, CCGYI, Yapi Merkizi u Salini, bl-ismijiet jibqgħu moħbija mill-media – la tħabbru miż-żewġ Ministri waqt il-konferenza tal-aħbarijiet u lanqas fl-istqarrija maħruġa wara.

Il-Ministru Ian Borg qal biss li fosthom hemm rabta lokali, kif ukoll internazzjonali, bl-offerti issa se jiġu analizzati qabel ma l-proċess jgħaddi għall-fażi li jmiss.

Il-Ministru iżda ma qalx li fost dawk li applikaw hemm is-sehem tal-kumpanija Ċiniża blacklisted mill-Bank Dinji għal investigazzjoni dwar frodi u li kienet tqabdet mill-Gvern biex jagħmel studju dwar il-possibbiltà li jinbena pont bejn iż-żewġ gżejjer. Issa, isem din il-kumpanija reġa’ feġġ f’dawn l-offerti.

Jidher illi kumpanija oħra minn dawk li tefgħu l-offerti hi Torka, filwaqt li hemm konsorzju li jinkludi s-sehem ta’ negozjant li s-sena li għaddiet kien instema’ jgħid li l-eks Ministru u Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona kien għaddielu kelma mal-eks Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi biex il-kumpanija tiegħu tingħata parti minn bajja prominenti f’San Ġiljan.

Il-Ministru tat-Trasport qal li min jintagħżel għal dan il-proġett, se jkollu wkoll id-dritt jopera l-mina li se tkun qed tgħaqqad liż-żewġ gżejjer.