Proposti jumejn telework għall-impjegati Għawdxin
Hekk kif għada mijiet ta’ ħaddiema Għawdxin ser jirritornaw għax-xogħol wara li ser jitneħħew il-miżuri ristrettivi ta’ Covid-19 – dawn il-ħaddiema ser jiffaċċjaw uġiegħ ta’ ras akbar.
Dan saħqitu l-Association of Gozitan Employees in Malta fejn spjegat li l-Għawdxin li jaħdmu Malta spiċċaw b’nuqqas ta’ gwida b’mod speċjali għal dawk l-Għawdxin vulnerabbli li xogħolhom huwa bbażat f’Malta u għaldaqstant ser ikunu esposti għal riskji ta’ saħħa sakemm jaqsmu bejn iż-żewġ gżejjer.

L-AGEM insistiet li l-ħaddiema ma jafux kif ser jaslu għax-xogħol. Dan wara li l-Gvern falla milli jispjega kemm -il persuna tista’ titla’ f’vann tax-xogħol. L-Assoċjazzjoni saħqet li din il-konfużjoni qed tirriżulta f’inkwiet żejjed għall-ħaddiema Għawdxin.
Dan filwaqt li ġie spjegat li minħabba li l-Gozo Channel qed topera s-servizz bi tlett vapuri biss, bosta ħaddiema Għawdxin li jużaw il-vetturi privati tagħhom ser jispiċċaw jistennew fi kjuwiet kbar ta’ kuljum sabiex isuqu lura lejn id-dar

Għaldaqstant, l-AGEM esprimiet il-preokkupazzjoni tagħha dwar in-nuqqas ta’ għarfien dwar id-direttivi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa u l-implimentazzjoni tagħhom fis-servizz pubbliku.
L-Assoċjazzjoni spjegat li ħafna mill-impjegati jinsabu konfużi dwar x’ser tkun tfisser għalihom din in-normalità ġdida.
L-AGEM insistiet li id-direttivi u linji gwida ma jistgħux ikunu “one-size fits all“. Dan filwaqt li ġie propost li l-ħaddiema Għawdxin jaħdmu tal-inqas jumejn fil-ġimgħa fuq bażi ta’ telework.



