Lokali

Nuqqas ta’ ppjanar bil-galbu qed jipperikola s-saħħa u s-sigurtà fl-istituzzjonijiet edukattivi – PN

In-nuqqas ta’ pjanar bil-galbu u ta’ konsultazzjoni wiesa mill-Ministeru tal-Edukazzjoni qed tinħass ma’ kull ġurnata li tgħaddi. Il-ħaddiema u l-ġenituri għandom dritt ikunu jafu x’ risk assessments saru fl-istituzzjonijiet edukattivi u x’miżuri konformi mal-istandards mitluba mill-protokolli qed jittieħdu. Dan wara li l-Ministeru ordna li uffiċjali edukattivi jidħlu għax-xogħol f’uffiċini li m’humiex konformi ma’ protocol ta’ saħħa u sigurtà li għamel il-gvern stess.

Fi stqarrija, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni u t-Tiġdid tad-Dinja tax-Xogħol u d-Djalogu Soċjali Parteċipattiv Clyde Puli, tkellem dwar rapporti li daħlu għand il-Partit Nazzjonalista jgħidu li ċerti uffiċjali kienu mistennija li joqgħodu ffullati f’uffiċini meta skont il-protcol tal-gvern stess dawn l-uffiċini jifilħu numru iżgħar ta’ ħaddiema.

Rapporti oħra qalu li l-iskejjel kienu qed jiġu mitluba dalgħodu biex sa għada filgħodu jkollhom għad-dispożizzjoni tal-impjegati, li deħlin għax-xogħol għada: face shields, disposable gloves, disposable aprons u non-contact thermometers.  Dan jidher li ħoloq konfużjoni sħiħa għaliex l-iskejjel spiċċaw kollha itellqu ma’ xulxin min se jilħaq l-affarijiet li għandom bżonn mingħand is-suppliers approvati.

L-ordni ta’ tilwima industrijali mal-Gvern milll-Malta Union of Teachers aktar kmieni tgħid biċ-ċar li l-ħaddiema li qed tirrapreżenta qed jitpoġġew f’riskju u tgħid ukoll li l-unjin ma ġietx ikkonsultata l-istess protocol tal-gvern jeżiġi diskussjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista tappella għas-sens komun li jitlob kawtela, ppjanar bil-galbu u konsulatzzjoni vera biex titħares is-saħħa u s-sigurtà tal-membri.