Knisja Lokali

Ordinazzjoni ta’ Presbiteru u żewġ Djakni

L- Amministratur Appostoliku għal Għawdex Monsinjur Mario Grech se jmexxi l-Ordinazzjoni Sagra ta’ MARIO MERCIECA (mill-Parroċċa tal-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria) għall-Presbiterat, ANDREW GRIMA (mill-Parroċċa ta’ San Lawrenz, San Lawrenz) għad-Djakonat, u FRA ETIENNE GILSON, Franġiskan Konventwal (minn Birkirkara), għad-Djakonat.

Din l-Ordinazzjoni ta’ portata kbira se ssir nhar il-Ġimgħa 19 ta’ Ġunju 2020, fis-Solennità tal-Qalb ta’ Ġesù, fil-5.30pm, fuq iz-Zuntier tas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb.

Minħabba ċ-ċirkustanzi attwali, din iċ-ċelebrazzjoni se tkun limitata biss għal dawk li jirċievu stedina, u għalhekk il-pubbliku hu mħeġġeġ isegwiha minn fuq il-mezzi tax-xandir: l-istazzjon televiżiv TVM2, kif ukoll il-mezzi soċjali tad-Djoċesi ta’ Għawdex: www.youtube.com/dioceseofgozo u www.facebook.com/gozodiocese.

Bi tħejjija għall-Ordinazzjoni, se tinżamm ukoll Velja ta’ Talb nhar l-Erbgħa 17 ta’ Ġunju, fit-8.00pm, fil-Kappella tas-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Belt Victoria. Il-miġemgħa Nisranija mistiedna tissieħeb fit-talb u ssegwi minn fuq l-istess midja soċjali tad-Djoċesi.