Internazzjonali

MISTERU TA’ 13-IL SENA: “Qed jassumu li Madeleine hi mejta”

Il-prosekuturi fil-Ġermanja ‘qed jassumu’ li ċ-ċkejkna Madeleine McCann – li f’Mejju tal-2007 għabet minn resort fi Praia da Luz (fil-Portugall) u ma dehrietx aktar – mgħadhiex ħajja.

Intant, Ġermaniż ta’ 43 sena, imsemmi bħala ‘Christian B’, qed ikun investigat fuq suspett ta’ omiċidju. Hu għandu ‘passat mimli b’reati fil-konfront ta’bniet’ u l-awtoritajiet qed jaħsbu li hu kien fi Praia da Luz meta Madeleine għabet, fl-età ta’ tliet snin, wara li l-ġenituri tagħha kienu ħallewha rieqda fil-kamra tar-resort.

Il-Pulizija qed jappellaw għall-għajnuna tal-pubbliku biex isolvu l-għajbien tat-tifla Britannika. Intant, Hans Christian Wolters, mill-Uffiċċju tal-Prosekuturi ta’ Braunschweig, qal li jista’ hemm indikazzjonijiet li Madeleine hi mejta.

Hawnhekk Wolters irrefera għas-suspettat inkwistjoni u qal li hu kien qed jgħix regolarment fir-reġjun tal-Algarve bejn l-1995 u l-2007 u fejn kien anki konness ma’ sensiela ta’ serq mil-lukandi u traffikar tad-droga.

L-avukat ta’ Kate u Gerry McCann, il-ġenituri tat-tifla, qal li fit-13-il sena li ilha nieqsa Madeleine, hu ma jiftakar qatt żmien ‘meta l-pulizija kienu daqshekk speċifiċi dwar individwu li kien qed jgħin fl-istħarriġ.’Anki l-ġenituri tat-tifla qalu li l-iżviluppi huma sinifikanti, bil-Pulizija Metropolitana qed tikkollabora fil-każ mal-Pulizija Ġermaniża.

Waqt li l-investigaturi fil-Ġermanja qegħdin jaħdmu fuq ‘il-possibbiltà ta’ omiċidju’ mhux eskluż li ‘persuni oħra jistgħu jafu d-dettalji tar-reat u, forsi, il-post fejn seta’ tħalla l-katavru ta’ Madeleine’.