Internazzjonali

Se jiġu akkużati b’kompliċità

Żvilupp importanti fil-każ tal-qtil tar-raġel Afro-Amerikan f’Minneapolis, hekk kif issa inhargu akkuzi formali anke fil-konfront tat-3 ufficjali li kienu prezenti meta l-Pulizija Derek Chauvin żamm taħt kuptejn lil George Floyd għal tminn minuti sħaħ – minuti fatali li wasslu biex ir-raġel iswed miet fil-post, bit-3 Pulizija l-oħra jibqgħu iħarsu u ma jagħmlu xejn.

Apparti l-akkużi ta’ kompliċita’ fil-konfront ta’ dawn it-tliet uffiċjali, Chauvin issa qed ikun akkużat bi grad għola ta’ assassinju.

L-erba’ Pulizija kienu tkeċċew mal-ewwel eżatt wara li seħħ il-qtil fil-25 ta’ Mejju li għadda.

Intant, il-protesti f’diversi bliet Amerikani ssoktaw matul il-lejl. Fi New York u Washington DC spikkaw dimostrazzjonijiet pacifiċi li baqgħu għaddejin sas-2am – b’zoni sensittivi qrib il-White House jigu kompletament imbarrati.

Anke l-Knijsa Episkopali li din il-ġimgħa mar jieħu ritratt quddiemha l-President Trump, ukoll ingħalqet – għall-ewwel darba sa mill-attakki tal-11 ta’ Settembru 2001.

Għalkemm id-dimostranti kisru r-restrizzjonijiet imposti mill-curfew, ma kienu rappurtati ebda incidenti f’dawn l-ibliet partikolari.

Differenti s-sitwazzjoni fi New Orleans, fejn il-Pulizija kellhom jisparaw gass tad-dmugħ biex iferrxu lill-follol li kienu qed jinġabru. Filwaqt illi qed ikun rappurtat li f’Atlanta ġew arrestati 43 persuna.