L-Eks Segretarju tad-Difiża Amerikan, James Mattis, ikkundanna lill-President tal-Istati Uniti, Donald Trump għall-aġir tiegħu f’dawn il-jiem ta’ protesti li żbruffaw madwar il-pajjiż wara l-qtil ta’ George Floyd, raġel Amerikan ta’ dixxendenza Afrikana, taħt idejn il-pulizija, fil-belt ta’ Minneapolis.
Mattis qal li jħossu ‘irrabjat u xxukkjat’ għal Trump u akkuża lill-President ‘li qed imexxi kampanja biex jiżra’ d-diżgwid bejn l-Amerikani’. James Mattis, fl-istess ħin, ikkundanna ‘l-abbuż tal-awtorità ta’ Trump’ filwaqt li appoġġja lid-dimostranti fit-toroq ‘li qegħdin jippruvaw jiddefendu l-valuri tal-Amerikani’.
Filwaqt li l-Istati Uniti għaddejja minn waħda mill-agħar kriżijiet soċjali mis-snin sittin – fejn kien spikka l-moviment ta’ Martin Luther King favur id-drittijiet tal-Amerikani suwed – l-Eks President Amerikan, Barack Obama, ukoll ħareġ jappoġġa lid-dimostranti li qed juru għadab għall-mewt ta’ George Floyd.
James Mattis irriżenja minn Segretarju tad-Difiża fl-2018 wara li Trump iddeċieda biex joħroġ lit-truppi Amerikani mis-Sirja. Intant, il-President kemm-il darba qal li ‘l-kapaċitajiet ta’ Mattis, bħala Ġeneral, huma esaġerati’.
Donald Trump wieġeb għall-kritika ta’ Mattis b’messaġġi fuq Twitter fejn insista li ‘hu kien keċċih’ u li ‘(Trump) qatt ma kien konvint mill-kapaċitajiet (ta’ Mattis) bħala Segretarju tad-Difiża’.
Intant, tressqu akkużi ġodda kontra l-pulizija kollha li kienu preżenti waqt il-qtil ta’ George Floyd f’Minneapolis u li llum tkeċċew mill-korp. L-akkuża kontra l-eks pulizija Derek Chauvin – li deher fuq filmat qed jagħfas b’irkopptu fuq għonq il-vittma li kien qiegħed mal-art – inbidlet għal waħda ta’ omiċidju tat-tieni grad; bl-eks pulizija sħabu jiffaċċjaw akkużi bħala ‘kompliċi fil-qtil’.
Il-mewt ta’ Floyd, ftit wara l-arrest tiegħu, ikkaġuna dimostrazzjonijiet li riflettew ir-rabja popolari dwar it-trattament ta’ ċivili suwed taħt idejn il-pulizija. Minkejja li saru rallies paċifiċi, kienu wkoll intensivi l-waqtiet ta’ vjolenza bejn l-attivisti u pulizija u bl-bliet jimponu sitwazzjoni ta’ curfew.
//= $special ?>