Futbol Sport

Tonio Briguglio l-aktar referee li kkontrolla finali tal-FA Trophy

Stewart Said

Proprju fit-2 ta’ Ġunju tal-1935, intlagħbet l-ewwel finali tal-FA Trophy. Storja ta’ 85 sena li sawret din il-kompetizzjoni u matul iż-żmien saret it-tieni l-akbar unur fil-futbol Malti u saħansitra hawn xi uħud li jippreferu din il-kompetizzjoni milli l-kampjonat.

Għajr bejn l-1941 u l-1944, il-kompetizzjoni tal-FA Trophy intlagħbet f’kull sena. Iżda l-2020 immarkat ukoll l-istorja ta’ din il-kompetizzjoni. F’dan l-istaġun, il-kompetizzjoni waslet sas-semifinali, b’Floriana, Hibernians, Pietà Hotspurs u Valletta kienu l-aħħar erba’ timijiet. Iżda minħabba l-Covid-19, il-kompetizzjoni sabet skoll u ma tkomplitx.

Total ta’ 11-il tim rebħu l-kompetizzjoni fl-istorja tagħhom u ħafna huma dawk li jiftakru xi edizzjoni partikolari. F’sitt edizzjonijiet, ma kienx hemm finali waħda minħabba li f’dak iż-żmien ir-regola kienet li jekk logħba tintemm f’parità, il-logħba terġa’ tintlagħab. Minkejja l-istorja twila tal-kompetizzjoni forsi ftit jafu min hu l-aktar referee li kkontrolla finali tal-FA Trophy.

Fost il-ħafna referees li kkontrollaw finali tal-FA Trophy, ħamsa b’mod partikolari kkontrollaw bejniethom 30 finali. Dawn huma Charles Agius, Paul Bonett, Tonio Briguglio, Turu Lentini u Charles Scerri. Iżda hu Tonio Briguglio li b’total ta’ tmien logħbiet hu l-aktar li kkontrolla finali ta’ din il-kompetizzjoni storika. Dan it-total jiżdied għal disgħa jekk wieħed jgħodd li fl-ewwel finali tal-1970, Briguglio kien sostitut ta’ Paul Bonett li weġġa’ waqt il-logħba.

Turu Lentini u Paul Bonett iddominaw il-finali tas-snin 60 filwaqt li Bonett u Tonio Briguglio ddominaw is-snin sebgħin. Bejn l-istaġun 1961/62 u l-istaġun 1974/75 il-finali kienu kkontrollati minn Lentini, Bonett jew Briguglio, b’eċċezzjoni ta’ logħba kkontrollata minn Joe Cassar Naudi.

Fatt interessanti hu li Lentini kkontrolla erba’ finali konsekuttivi iżda Briguglio għandu r-rekord li kkontrolla finali tal-FA Trophy għal sitt staġuni konsekuttivi. Tlieta minnhom kienu replay fl-istaġuni 1969/70, 1970/71 u 1972/73, logħbiet li segwew l-ewwel finali li inċidentalment ir-referee tagħhom kien Paul Bonett fit-tliet okkażjonijiet.

Disa’ referees ikkontrollaw finali tal-kompetizzjoni għal tal-anqas żewġ staġuni konsekuttivi iżda l-aħħar darba li dan seħħ kien fl-istaġuni 1993/94 u 1994/95 meta r-referee Alfred Micallef ikkontrolla l-finali Floriana v Valletta u Valletta v Ħamrun. Minn dakinhar kien hemm 17-il referee differenti. Matul iż-żmien saret tradizzjoni wkoll li referee tal-ogħla livell li jkun se jirtira, jikkontrolla l-finali tal-FA Trophy.