Coronavirus Lokali Saħħa

3 każijiet ġodda; 7 persuni mfejqa

Minkejja li fl-aħħar 24 siegħa kienu konfermati 3 każijiet ġodda ta’ Coronavirus f’Malta, il-każi attivi komplew jonqsu wara li kien hemm 7 persuni oħra li rkupraw minn din l-imxija. B’hekk, it-total ta’ każijiet attivi issa niżel għal 33.

It-tliet kazijiet ġodda li ħarġu bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa kienu minn fost 977 test – ammont ta’ testijiet li huwa anqas minn dawk li konna mdorrijin bih.

Il-każijiet pożittivi li kellna fl-aħħar 13-il ġimgħa huma 625,  filwaqt li n-numru ta’ każijiet imfejqa huwa ta’ 583.

Filwaqt li pajjiżna għaddej minn dan il-perijodu tranżitorju, xorta għad hemm ċertu attivita’ kummercjali, iżda llum xorta kien hemm numru ta’ stabbilimenti u negozji li baqgħa ma fetħux.

Kien hemm gyms, pereżempju, li l-Ġimgħa baqghu magħluqa għaliex il-linji gwida ħarġu tard min-naħa tal-Gvern. Dan affetwa wkoll ċentri tal-fitness u studios taż-żfin.

Il-massimu ta’ persuni li jistgħu jkunu fil-gym huwa ta’ 75 – trid tinżamm id-distanza ta’ 3 metri, u l-klijenti ntalbu li jġibu huma x-xugamani tagħhom. Ġie mitlub ukoll biex fir-reception jitneħħew iċ-charging bays, kif ukoll il-magazines. Waqt l-eżerċizzju hu permessibbli li ma jintlibsux maskli.

Fil-linji gwida l-klijenti ġew imħeġġa biex ma jużawx ix-xowers u l-kmamar tat-tibdil, u l-operaturi tal-gyms ingħataw l-ordni li jiddisinfetaw il-fitting rooms minn tal-anqas kull siegħa.

L-istess inċertezza tinħass ukoll fost is-sidien tal-ħwienet tax-xorb, fejn  l-ebda linji gwida ma ġiet ippublikata b’referenza speċifika għal bars, bis-sidien kienu kostretti jużaw il-linji gwida tar-ristoranti.

Mill-Ġimgħa, kellhom jidħlu lura għax-xogħol il-ħaddiema li kienu jaħdmu bit-teleworking għaliex kienu jaqgħu fil-lista ta’ vulnerabbli. Madankollu, kienu bosta dawk li taw il-permess lill-impjegati tagħhom jirritornaw għax-xogħol mill-ġimgħa d-dieħla.

Wieħed irid ifakkar li issa se jiġu fi tmiemhom l-erba’ benefiċċji soċjali li kienu varati mill-Gvern b’rabta mal-imxija tal-Covid-19.