Sport Sport Ieħor

Boris Becker ma jeskludix li jirritorna bħala kowċ tat-tennis

(Ritratt: EPA)

Il-leġġenda tat-tennis Boris Becker ma eskludiex li jirritorna bħala kowċ wara li fil-passat ħadem ma’ Novak Djokovic. Becker li hu sitt darbiet rebbieħ ta’ Grand Slam, mexxa lil Djokovic bejn l-2013 u l-2016, f’perjodu li fih is-Serb rebaħ sitt Grand Slams.

Fil-preżent, Becker qed imexxi l-federazzjoni tat-tennis fil-Ġermanja iżda ammetta li xejn mhu etern. Saħansitra hu żied li jekk ikun hemm plejers li jinteressawh u jkunu disposti li jmexxihom, tkun xi ħaġa li definittivament jikkunsidra. Iżda l-akbar ostaklu għalih biex jirritorna bħala kowċ hu l-fatt li jkun irid jagħmel nofs il-ġimgħat tas-sena, bogħod mill-familja u proġetti professjonali oħra.

Il-Ġermaniż jemmen li waħda mill-aħjar karatteristiċi ta’ kowċ hu li jkollu konverżazzjonijiet onesti ma’ lil min ikun qed imexxi. Fosthom semma waħda mid-diskussjonijiet li kellu ma’ Djokovic, fejn stqarr li għal xi żmien, Djokovic kien qed iħossu tajjeb wisq bħala n-numru wieħed tad-dinja.