Internazzjonali

Covid-19: L-Unjoni Ewropea se tibda’ tiftaħ il-fruntieri għal barra minn Lulju

L-Unjoni Ewropea għandha tiftaħ għal kollox il-fruntieri interni sal-aħħar ta’ Ġunju waqt li, matul ix-xahar ta’ wara, tibda tneħħi r-restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar ‘lejn u minn pajjiżi li ma jiffurmawx parti mill-Unjoni’.

Dan qalitu l-Kummissarju tal-UE għall-Affarijiet Interni, Ylva Johansson, meta hi indirizzat konferenza tal-aħbarijiet wara video-call sinifikanti fost il-Ministri għall-Intern li qed jirrappreżentaw lill-Istati-membri tal-Unjoni.

Johansson spjegat l l-parti kbira tal-Gvernijiet tal-UE għandhom ineħħu l-kontrolli mal-fruntieri ‘interni’ sal-15 ta’ Ġunju, filwaqt li oħrajn fost l-Istati-membri qed jaħsbu biex jieħdu l-pass sal-aħħar ta’ dan ix-xahar.

‘B’hekk dan ifisser li l-kontrolli (mal-fruntieri interni) se jispiċċaw fl-aħħar ta’ Ġunju u bl-Unjoni għandha tikkunsidra t-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-Istati (Ewropej) membri sal-ewwel ġranet ta’ Lulju’, qalet Johansson.

Il-pajjiżi madwar l-Ewropa huma ħerqanin biex jerġgħu jiftħu l-fruntieri tagħhom fiż-żmien opportun għall-istaġun turistiku sajfi. Iżda waqt li numru ta’ Stati-membri qegħdin jaħdmu flimkien biex jirrealizzaw it-tragward, l-impenn lejn ‘staġun attiv’ għad irid ikun organizzat madwar l-Unjoni Ewropea.

Intant id-dettalji kienu diskussi waqt il-laqgħa (video-call) tal-Ministri tal-Istati Ewropej.

Dan meta numru ta’ pajjiżi tal-UE reġgħu fetħu l-fruntieri, bi fruntieri oħrajn jibqgħu magħluqin minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

L-Italja, din il-ġimgħa, fetħet il-fruntieri tagħha għat-turisti iżda l-aħħar indikazzjonijiet huma li ‘mhux kulħadd qed jidher ħerqan’ li jivvjaġġa lejn dan il-pajjiż li kien fost l-agħar Stati Ewropej li ntlaqtu mill-pandemija. Intant, l-Awstrija deċidiet biex tneħħi r-restrizzjonijiet mal-fruntiera għall-Istati ġirien kollha ħlief fil-każ tal-Italja ‘għaliex is-sitwazzjoni ma tippermettix’.

Sadanittant, Spanja qed tippjana biex, mill-Ewwel ta’ Lulju, terġa tiftaħ il-fruntieri biss għall-movimenti ta’ nies minn Franza u l-Portugall ( l-eqreb Stati ġirien). L-awtoritajiet Spanjoli għadhom mhumiex lesti biex, għalissa, jiftħu l-bibien għall-barranin minn pajjiżi oħrajn u wieħed jistenna d-diffikultajiet f’każ li l-UE tipprova tikkoordina l-ftuħ mill-ġdid ta’ Spanja bħala hub għal turisti li jkunu ġejjin ‘minn kullimkien’.

Il-Belġju hu fost il-pajjiżi tal-Unjoni li mistennija jiftħu l-ftuntieri mill-15 ta’ Ġunju — għalkemm dan jista’ jiddependi minn jekk il-pajjiż jintlaqatx b’tieni mewġa ta’ infezzjonijiet bil-Covid-19 u li għalissa jibqa’ possibbiltà.

Franza wkoll qed tittama fir-ritorn tat-turisti lejn ir-reġjuni tagħha. Dan meta l-pajjiż qed jinsisti bi pjan għall-ftuħ tal-fruntieri kollha fiz-zona  Schengen ( li jippermetti l-moviment ħieles mingħajr ħtieġa għal passaport) sa mil-Ewwel ta’ Lulju.