Internazzjonali

COVID-19: Qed tibda l-produzzjoni ta’ vaċċin potenzjali

Il-kumpanija multinazzjonali AstraZeneca, li tipproduċi l-farmaċewtika, qed tibda produzzjoni ta’ vaċċin potenzjali għal kontra l-Covid-19.

Il-provi għall-mediċina ġdida kienu għaddejjin diġà, iżda l-kap tal-kumpanija, Pascal Soriot, qal li l-produzzjoni tad-dożi tal-vaċċin iridu jibdew minn issa bil-għan li ‘tintlaħaq id-domanda kbira’ f’każ li l-provi juru, bla ħjiel ta’ dubju, li l-vaċċin ikun irnexxa.

L-AstraZeneca hi kumpanija Britannika-Żvediża  li għandha l-kwartieri ġenerali tagħha f’Cambridge, fl-Ingilterra. Minbarra l-konferma li l-manifattura tal-vaċċin ‘bdiet minn issa’, il-kelliema għall-kumpanija huma ottimisti li, ‘il quddiem, ikunu jistgħu jissupplixxu maż-żewġ biljun doża,

Dan waqt li Pascal Soriot qal li l-AstraZeneca wieġbet għall-emerġenza bl-intenzjoni li ‘jintilef l-anqas ħin possibbli’. Hu spjega wkoll li l-element ta’ sogru qiegħed hemm iżda hu wieħed finanzjarju li jinvolvi biss ‘xenarju fejn il-vaċċin jista’ ma jaħdimx’.

Soriot sostna li l-kumpanija mhix taħseb biex tagħmel profitt mill-produzzjoni tal-vaċċin waqt il-pandemija u meta, s’issa, iffirmat żewġ kuntratti, li wieħed minnhom hu mal-filantropiku biljunarju Amerikan, Bill Gates. Intant, AstraZeneca qablet biex, f’każ ta’ suċċess,  tissupplixxi nofs id-dożi lill-pajjiżi bi dħul baxx u medju.