“Jekk il-Ministru jaħseb li hemm ħafna intrapriżi li qisu ma ġara xejn għalihom, qisu ma beda xejn għalihom, indubjament li mhux il-każ. Il-biċċa l-kbira tal-intrapriżi, fid-diversi industriji, kemm dawk li għażel li jgħinhom u dawk li l-Gvern deliberament għażel li ma jgħinhomx, u l-Ministru għandu jieħu nota tagħhom, ħafna minnhom marru lura fil-bejgħ u fid-dħul tagħhom.”
Saħaq dan il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija, Claudio Grech, waqt il-programm Xtra fuq ix-Xandir Nazzjonali meta kien qed jitkellem dwar il-mod kif il-Gvern ta l-ossiġnu biss lill-parti selettiva tul il-COVID-19, b’eluf ta’ ħaddiema mill-Ġimgħa ma rritornawx għan-normalità li qed ipinġi l-Gvern bil-ftuħ tal-ekonomija iżda l-bidu ta’ telgħa twila
Għalhekk, l-Oppożizzjoni tistenna li r-risposta tal-Gvern nhar it-Tnejn għall-kriżi ekonomika għandha tkun dwar kif se jqiegħed lill-pajjiż fuq saqajh:
“Jekk nuża l-istess analoġija tal-ossiġnu li uża l-Ministru, il-problema li naraw aħna hija li dak l-ossiġnu ma ngħatax lill-intrapriżi kollha li ntlaqtu.”
Bi tweġiba għall-analoġija tal-Ministru Edward Scicluna tal-impatt ekonomiku ma’ terremot, Claudio Grech fakkar kif l-industrija, partikolarment in-negozji ż-żgħar u tal-ħwienet, ħadet żewġ daqqiet fuq xulxin hekk kif kienet għadha kif ħarġet minn theżżiża enormi eżatt qabel il-COVID-19:
“Theżżiża li damet tista’ tgħid xahrejn u nofs fejn kellek l-iktar parti tas-sena li fiha ddur ir-rota ekonomika għal tal-ħwienet kompletament wieqfa minħabba l-kriżi politika li daħħalna fiha l-Partit Laburista biex waslet għat-tmiem tal-Gvern tal-Prim Ministru Muscat.”
Il-kelliem tal-Oppożizzjoni saħaq li l-Partit Nazzjonalista jistenna li nhar it-Tnejn fil-baġit, il-Gvern jsewwi l-ħsara li ġab hu fl-ewwel theżżiża bil-kriżi politika u saħansitra jgħin lill-intrapriżi, negozji u lis-self-employed biex isalvaw.
Għalhekk l-importanza li l-Gvern jikkonsulta mal-partijiet kollha konċernati filwaqt li jagħti sinjal lis-sidien tan-negozji u lis-self-employed li se jkompli jkun ta’ sostenn għalihom fiż-żmien li ġej sakemm tgħaddi l-kriżi
Claudio Grech jittama li l-Gvern nhar it-Tnejn ma jagħtix viżibbiltà ta’ xi ftit ġimgħat, bħalma ġara fil-każ tal-wage supplement li se jingħata sa nhar it-Tlieta, iżda jagħti indikazzjoni kif l-għajnuna li se jagħti se ttul biex ikunu jistgħu jippjanaw ‘il quddiem:
“Kien hemm xi Ministri li taw indikazzjoni li l-wage supplement ħa jibqa’ sejjer sal-aħħar ta’ Ġunju imma għidli inti, jekk inti tħaddem, jekk hux se toqgħod tistenna sat-8 ta’ Ġunju biex tara wara d-9 ta’ Ġunju l-Gvern x’se jiġi jgħidlek. Żgur li ġurnata mhijiex viżibbiltà. Li tipprepara lin-negozji aktar jiem minn ġurnata qabel hija viżibbiltà.”
Id-deputat Nazzjonalista appella lill-Gvern jeħtieġ ibiddel il-viżjoni soċjo-ekonomika tiegħu, dik mibnija fuq kemm jimporta barranin jaħdmu f’pajjiżna, karba li ilhom tant jisħqu fuqha il-korpi kostitwiti u li se jkun qed jimbutta ‘l quddiem il-Partit Nazzjonalista:
“Aħna nemnu illi dan jista’ jinħoloq billi prinċiparjament nibdew nerġgħu nħarsu lejn is-setturi ekonomiċi li jistgħu joħolqu aktar valur miżjud però li jsiru bl-aktar mod sostenibbli. Setturi ekonomiċi li mhux bilfors jiddependu fuq l-isfruttar tal-ambjent, fuq l-użu ikbar tal-ispazji limitati li għandna però għandna niffukkaw biex inżidu d-dħul tal-familji Maltin b’impjiegi u b’pagi aħjar.”
Wara 3 ġimgħat, il-Gvern għadu qas ta r-reazzjoni tiegħu għall-proposti li ressaq il-Partit Nazzjonalista u lanqas ikkomunika mal-Oppożizzjoni fuq il-budget multi-miljunarju li se jressaq il-Gvern nhar it-Tnejn, tant li l-Ministru tal-Finanzi qas kien jaf x’laqtu u stqarr li ma jaf b’xejn.
Intant, Scicluna ssokta bir-retorika tal-Gvern li jkun xettiku għall-għajnuna tal-Unjoni Ewropea:
“Żgur li l-Gvern mhux se jaqbeż u jogħla bħalma għamlet l-Oppożizzjoni illi qisna sibna d-deheb. Ma sibniex deheb.”
Dan meta l-Unjoni Ewropea se tkun qed tgħin lill-pajjiżna b’€1 biljun, kemm b’self kif ukoll b’fondi.
//= $special ?>