Għall-Partit Nazzjonalista huwa ta’ tħassib kif il-Gvern skont risposta li wieġeb fil-Parlament il-Ministru Owen Bonnici għal domanda Parlamentari li ressaqt jien, meta stqarr li l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ 2020-2025 mistenni jibda f’Settembru. Dan meta l-politika nazzjonali ghall-istess settur tiskadi propju din is-sena.
Dan ħareġ minn stqarrija tal-Partit Nazzjonalista ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ, l-Isport tul Ħajjitna, l-Volontarjat u l-Ġlieda kontra l-Obeżità, Robert Cutajar.
L-istqarrija saħqet li l-għaqal u s-serjeta’ jitolbu li tali proċess għandu jibda ferm qabel iż-żmien indikat min-naħa tal-Gvern. Dan anke fid-dawl tal-imxija tal-COVID-19 kif ukoll l-effetti li se jħalli dan l-istess virus anke wara, minkejja li s’ssa jidher li qed jiġi mrazzan. Iż-żgħażagħ jistgħu jkunu fost l-aktar faxex fis-soċjeta’ tagħna affettwati minħabba l-COVID-19, l-aktar fejn jidħlu s-setturi tal-impjiegi u kif ukoll l-ansjeta’ li tista’ tħalli wkoll l-effetti tagħha fuq is-saħħa mentali.
F’isem l-Oppożizzjoni, Robert Cutajar qed jappella lill-Gvern biex b’mod immedjat jibda l-proċess ta’ konsultazzjoni għal dan id-dokument u jagħti żmien biżżejjed u spazju lil kull organizzazzjoni li tixtieq tikkontribwixxi f’dan il-proċess.
“B’serjeta’ u viżjoni għal settur daqstant importanti bħalma huwa dak taż-żgħażagħ, il-Gvern ghandu jifhem l-obbligu tiegħu u jagħti l-prijorita’ mistħoqqha liż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.” saħaq Robert Cutajar
L-istqarrija kompliet tgħid li l-PN se jkun minn ta’ quddiemnett li se jkun qed jikkontribwixxi f’dan il-proċess fl-interess taż-żgħażagħ anke permezz taż-żewġ ferghat fi ħdanu, l-MŻPN u Team Start PN.
Fl-aħħar jiem f’waħda mil-laqgħat li Robert Cutajar kellu mal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ) bħala Kelliem tal-Oppożizzjoni responsabbli mis-settur taż-Żgħażagħ ħareġ ċar li fuq dawn il-materji l-istess Kunsill wera wkoll it-tħassib tiegħu.
Robert Cutajar appella lill-Gvern biex jikkunsidra bis-serjeta’ l-proposti li ressaq l-istess Kunsill b’rabta mal-COVID-19, liema proposti kienu elenkati f’ittra li l-KNŻ bagħat fl-aħħar jiem lill-Prim Ministru.
F’isem l-Oppożizzjoni filwaqt li rringrazzja lill-KNŻ għall-hidma li qed iwettaq fost iż-żgħażagħ, Robert Cutajar qed jappella u jistenna li l-Gvern li b’rieda tajba u responsabbilta’ jagħti widen għal dawn il-proposti relatati primarjament mal-edukazzjoni, xogħol u s-saħħa mentali mressqa mill-istess KNŻ.



