Lokali

Il-PN bi proposti għal persuni b’abbiltajiet speċjali

L-imxija għadha ta’ sfida kbira għal kull ġenitur iżda b’mod specjali ghall-ġenituri li għandhom ulied b’abbiltajiet differenti. Dan intqal waqt laqgħa virtwali li organizza l-PN flimkien mal-Assoċjazzjoni Maltija tad-Down Syndrome.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia flimkien mad-Deputat Nazzjonalista Maria Deguara li kienu preżenti għal din il-laqgħa qalu li issa hemm il-ħtieġa li nħarsu ‘l quddiem u tiġi mfassla strateġija għal wara l-Covid, fejn irid ikun hemm kontribut minn kulħadd sabiex tinħoloq normalità ġdida.

Dawk preżenti għal din il-laqgħa virtwali, tkellmu fuq diversi sfidi li jinsabu għaddejjin minnhom f’dan il-perjodu, fosthom li din kienet esperjenza ta’ tbatija għal kulħadd inkluz għall-ħaddiema-ġenituri ….li ħafna drabi sa anki bdew jaqdu l-funzjoni ta’ għalliema.

Huma insistew li l-Gvern m’għandux iwarrab lil dawn in-nies, filwaqt li jitfasslu proċeduri li jkunu siguri għal persuni b’diżabbiltà. Dan sabiex id-deċiżjonijiet li jittieħdu jkunu fl-aħjar interess tagħhom.

L-Assoċjazzjoni qalet li hija diffiċli li tfiehem anki lill-ulied bil-bżonnijiet speċjali li jaddataw għan-normalità l-ġdida, u għalhekk jeħtieġ li l-awtoritajiet ikollhom għarfien ta’ dawn l-każijiet.

Tul il-laqgħa l-PN tkellem dwar numru ta’ proposti li żgur jgħinu lil persuni b’abbiltajiet speċjali; proposti li hafna minnhom ġew diskussi f’ambitu pożittiv biex anki jkunu preżentati bl-aqwa mod possibbli. Il-kelliema tal-PN qalu li bħala Partit jixtiequ li dawn il-laqgħat jissoktaw.

Il-ġenituri tennew li huma mħassba dwar il-prekawżjonijiet li għandhom jittieħdu fid-dawl tal-pandemija preżenti u li dawn il-prekawżjonijiet jeħtieġ li jittieħdu minn kulħadd. Huma qalu li jekk dan isir, dan ikun qiegħed jagħti s-serħan tal-moħħ.