Lokali Transport

Il-proċess biex tapplika għal liċenzja tas-sewqan onlajn

Transport Malta qed tniedi portal onlajn, https://licenzji-xufiera.gov.mt/, li jagħti aċċess lill-pubbliku sabiex japplika għall-permess tal-istudenti tas-sewqan u biex jibbukkjaw l-eżamijiet għal-liċenzja tas-sewqan.

Dan il-portal se jiffaċilita l-proċess tal-applikazzjoni u se jnaqqas il-bżonn li l-applikanti jimlew formoli fiżiċi jew li jmorru personalment fl-uffiċċini tal-Awtorità.

Skejjel tas-sewqan u tobba mediċi se jkollhom ukoll il-faċilità li jaċċessaw dan il-portal sabiex japplikaw, jiċċertifikaw jew jissottomettu kwalunkwe dokumentazzjoni neċessarja f’isem l-applikant.

L-istudenti issa jistgħu japplikaw onlajn ukoll biex joqogħdu għall-eżami tat-teorija. Iktar kmieni din il-ġimgħa, Transport Malta ħabbret li, wara xi ġimgħat weqfin minħabba l-imxija tal-COVID19, it-testijiet tat-teorija u tal-prattika għal-liċenzja tas-sewqan setgħu ikomplu, b’numru ta’ prekawzjonijiet ġodda.

Fil-fatt l-istudenti issa jistgħu ipoġġu għall-eżami ta-teorija biss wara li jibbukkjaw. Għaldaqstant dan huwa pass li qed jgħin lill-istudenti li jistgħu jibbukkjaw faċilment onlajn.

L-eżamijiet tat-teorija issa ser jibdew isiru minn bini ġdid fi Triq Nazzjonali l-Ħamrun. Il-bini huwa iktar spazzjuż u jipprovdi l-faċilitajiet kollha biex l-istudenti jkunu jistgħu joqogħdu għall-eżami b’moħħhom mistrieħ.

Il-bini jimxi mal-linji gwida mogħtija mill-Awtoritajiet tas-saħħa biex inaqqsu r-riskju tal-imxija. L-istudenti li jixtiequ jibbukjaw l-eżami tat-teorija jistgħu iċemplu fuq 21227190 jew iżuru direttament is-sit – https://maltatheorytest.com/

Dawn l-inizjattivi huma wħud mill-miżuri li Transport Malta qed timplimenta sabiex tipprovdi aċċessibilità aħjar, tagħti servizz iktar mgħaġġel u ttejjeb il-kwalità tal-operat tagħha.