Internazzjonali

Il-protesti fl-Istati Uniti: Trump imwiddeb dwar referenzi ‘għall-intervent tal-Armata’

F’dan iż-żmien ta’ kriżi għall-Istati Unti, aktar eks-membri tal-Armata qed jikkritikaw lill-President Amerikan, Donald Trump, wara li hedded li ‘juża t-truppi’ biex jikkontrollaw il-protesti ta’ wara l-qtil ta’ George Floyd. Trump, jiem ilu, qal li lest biex jistazzjona lill-militar ‘bil-għan li jsolvi malajr l-inkwiet’ f’każ li l-awtoritajiet tal-Istati rispettivi ma jieħdux azzjoni f’waqtha.

Issa kien imiss lill-Ġeneral Martin Dempsey, eks Chairman tal-Joint Chiefs of Staff, li, waqt kummenti fuq ir-radju, qal li ‘ir-rimarki ta’ Trump huma perikolużi minbarra li huma lok għall-inkwiet’. Dempsey kien l-ogħla uffiċjal militari taħt l-eks President Amerikan, Barack Obama, bejn l-2011 u l-2015.

It-twiddiba segwiet kritika simili għal Trump min-naħa tas-Segretarju tad-Difiża Amerikan Mark Esper li qal li l-użu tal-militar għat-trażżin tar-rallies mhux neċessarju ‘f’dan l-istadju’.

Ir-rimarki ta’ Esper ma niżlux tajjeb ma’ xi uffiċjali fil-White House ta’ Washington waqt li Jim Mattis, eks Ġeneral tal-Morini u eks Segretarju tad-Difiża ta’ Trump, ikkundanna lill-President u akkużah ‘b’li qed jiżra d-diżgwid’.

Trump kien wieġeb lil Mattis bi stqarrija fuq Twitter li ‘il-kapaċitajiet u kwalifiki tal-Ġeneral (Mattis) qatt ma kienu ta’ xi livell partikulari’.

Filwaqt li d-dimostrazzjonijiet jidhru li qed jikkalmaw f’Washington, l-uffiċjali, fl-aħħar jiem, xorta waħda żiedu l-ħajt tas-sigurtà mal-limiti tal-White House.