Il-klabbs tas-Serie A skartaw il-possibbiltà li jingħataw verdetti skont il-medja ta’ punti jekk il-kampjonat jerġa’ jkun kostrett li jieqaf. Dan kien il-pjan B ippreżentat mill-FIGC, b’16-il klabb jidher li vvutaw kontra, Lazio, Napoli u Bologna filwaqt li Milan jidher li kien l-uniku klabb favur din l-idea. Il-ħsieb hu li ma jkunx hemm rebbieħ u ma jkunux relegati l-aħħar tlieta jekk ma jkunx hemm verdetti matematiċi fil-pitch.
Intant il-Federazzjoni Taljana approvat ukoll ir-regola li jkun hemm ħames sostituzzjonijiet għal kull tim waqt logħba meta s-Serie A jirritorna fl-20 ta’ Ġunju. B’hekk il-kampjonat Taljan se jsegwi d-deċiżjonijiet meħuda minn kampjonati oħra kbar bħal Bundesliga u l-Premier League. Ix-xahar li għadda, il-Bord Internazzjonali tal-Futbol kien approva deċiżjoni temporanja li tibdel ir-regola tas-sostituzzjoni għal ħamsa biex tgħin lill-fiżika tal-plejers f’dan il-mument. Dan minħabba n-numru ta’ logħbiet fi ftit żmien li se jkun hemm biex jintemm l-istaġun.
Il-futbol Taljan se jkompli l-ġimgħa d-dieħla bil-partiti ta’ ritorn tas-semifinali tal-Coppa Italia bejn Juventus u Milan kif ukoll Napoli v Inter flimkien mal-finali tas-17 ta’ Ġunju. Fl-20 ta’ Ġunju se jintlagħbu l-erba’ logħbiet mil-25 ġurnata li kienu ġew posposti filwaqt li kull tim fadallu tal-anqas 12-il logħba. Il-kampjonat hu skedat li jintemm fit-2 ta’ Awwissu.
//= $special ?>