Fil-5 ta’ Ġunju 2020, l-ospitant tal-Jum Dinji tal-Ambjent il-Kolombja stieden esperti minn madwar id-dinja biex jorganizzaw serje ta’ avvenimenti li jindirizzaw kwistjonijiet ta’ bijodiversità. Il-bord se jiddiskuti ż-żieda fid-deforestazzjoni tal-Foresta Amazon, l-użu sostenibbli tal-bijodiversità, it-tibdil fil-klima u l-ekonomija ċirkolari, bil-għan li jsib bilanċ bejn l-attività tal-bniedem u l-protezzjoni tal-bijodiversità. Għalhekk, huwa tajjeb li llum jiġu enfasizzati l-isfidi li għandu pajjiżna għall-ambjent nadif u b’saħħtu għall-aħjar tas-soċjetà Maltija.
Fi stqarrija tal-Partit Nazzjonalista, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent u l-Emerġenza tal-Klima, David Thake saħaq li l-protezzjoni kontra t-telf tal-bijodiversità mhix sempliċement azzjoni li ssegwi biss ir-regolamenti ambjentali, jew sempliċement tipproteġi bejta ta’ fekruna fix-xtut tagħna iżda tirrikjedi li nidentifikaw l-effett ta’ u r-relazzjoni bejn l-enerġija, ir-riċiklaġġ, il-ġestjoni tal-iskart, l-industrija u lir-rwol tagħhom biex tevita l-kollass tal-ambjent.
L-istqarrija tgħid li fil-preżent, il-gvern Malti jinsab ‘il bogħod milli jilħaq l-għanijiet tal-enerġija li tiġġedded tal-Unjoni Ewropea. L-għan li niksbu biss 11.5% ta’ dan sal-2030 huwa inaċċettabbli jekk l-ekonomija tagħna tkompli tikber u tniġġes, qal David Thake. Il-gvern iffoka biss fuq sistemi solari bħala r-rikors ewlieni għall-produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli, filwaqt li injora teknoloġiji ġodda li minnhom tinħoloq l-enerġija. Barra minn hekk, meta wieħed jirrevedi l-Politika Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima għall-2019, jara li filwaqt li l-gvern qed ifittex li jkompli fit-triq biex jagħmel Malta dipendenti mill-gas, qed jonqos milli jfittex modi oħra ta’ enerġija li tġġedded.
David Thake saħaq li l-approċċ tal-gvern Malti rriżulta fl-indifferenza tas-soċjetà lejn il-ħarsien tal-ambjent u ddgħajjfet l-ispirtu tal-komunità meħtieġa biex jiġi ttrattat it-theddid li ġej minn telf tal-bijodiversità.
Dan u aktar b’mod ċar jirrikjedi ħafna iktar minn ftit miżuri fuq medda qasira ta’ żmien li jiggarantixxu biss il-protezzjoni ta’ xi bejta partikolari. Il-valur ekoloġiku tal-bajjiet kollha jitlob għall-ħolqien ta’ strateġiji ta’ konservazzjoni fit-tul. Monitoraġġ strateġiku tal-bajjiet b’ħatt tal-fekruna matul l-istaġun tal-bejta, se jagħtina idea ta’ kemm il-fkieren attwalment ibejtu u se tenfasizza l-importanza ambjentali tagħha għall-pubbliku u għat-turisti li jżuru l-gżira tagħna, kompla David Thake.
L-istqarrija kompliet tgħid li nistgħu nużaw ukoll dan bħala opportunità biex naġixxu aktar b’mod ekoloġiku bħala gżira u nimxu ‘l quddiem bi pjanijiet strateġiċi biex nimmaniġġjaw l-iskart b’mod professjonali u naqqsu l-użu tal-plastik Bajjiet bħal dawn li jinħattu bil-fekruna jistgħu jkunu kkunsidrati bħala “bajjiet tal-fekruna”, fejn il-valur ekoloġiku ta’ dawn l-ispazji naturali huwa mħaddan, u l-awtoritajiet lokali jassiguraw il-konservazzjoni tagħhom.
David Thake stqarr li għalhekk, il-ħarsien ta’ dawn iż-żoni naturali ta’ importanza mhuwiex biss ta’ benefiċċju għall-flora u l-fawna li jgħixu fihom, imma huwa wkoll ta’ benefiċċju għar-residenti Maltin. Iż-żamma ta’ dawn iż-żoni hija marbuta b’mod indirett mal-benesseri tar-residenti Maltin. Għalhekk, huwa importanti li l-gvern ma jaħrabx mill-azzjonijiet li jirrikjedu riforma fl-ambjent biex jiffoka biss fuq setturi bħat-trasport u l-elettriku, dan sabiex jippermetti lill-Maltin jgħixu f’ambjent b’saħħtu.
L-istqarrija temmet tgħid li l-iżgurar tas-sigurtà u s-saħħa taċ-ċittadini Maltin ma jinvolvix sempliċement ir-restrizzjoni tat-tixrid taħ virus, jeħtieġ ukoll li tittieħed azzjoni minnufih.
//= $special ?>