Coronavirus Ekonomija Kummerċ Lokali Saħħa

“Ma nistgħux ngħidu li l-pandemija spiċċat” – Joe Farrugia

L-MEA beżgħana li s-sitwazzjoni fil-pajjiż se tiggrava fix-xhur li ġejjin

Il-kontijiet tad-dawl għan-negozji għandhom jiġu mraħħsa immedjatament. Dan stqarru id-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem, Joe Farrugia, waqt konferenza li saret onlajn fejn ġew ppreżentati il-proposti tal-MEA b’rabta mal-baġit ta’ nhar it-Tnejn li ġej.

Il-PN ilu xhur twal jipproponi tnaqqis fil-kont tad-dawl u l-ilma, izda l-Gvern qed jibqa’ jirrezisti:

Aħna nemmnu li t-tnaqqis tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma għandu jsir minnufih, mingħajr telf ta’ żmien għaliex huma miżuri li jindirizzaw sitwazzjoni ta’ kriżi.”

Id-Direttur Generali tal-MEA Joe Farrugia kien car hafna fi kliemu – ma nistghux nghidu li l-pandemija spiccat.

Minkejja li n-numru ta’ każijiet huma baxxi, ma nistgħux li l-kriżi għaddiet. Jista’ jkun li l-kriżi fis-saħħa pubbliku preżentament hija taħt kontroll iżda għadna rridu naraw l-impatt sħiħ tal-qagħda ekonomika preżenti u wisq nibżgħu li l-affarijiet se jiggravaw fix-xhur li ġejjin.”

Waqt din il-konferenza, l-MEA proponiet ukoll tnaqqis temporanju tat-taxxa fuq id-dħul u l-VAT …kif ukoll estensjoni tas-suppliment tal-pagi sa Settembru.

Proposti oħrajn jinkludu estensjoni tal-iskema tat-Teleworking b’mod indefinit, linji gwida aktar ċari għar-ritorn tac-child care centres u l-iskejjel, skemi ta’ taħriġ u programmi ta’ appoġġ għal persuni li tilfu xogħolhom, riżorsi ghas-setturi tas-saħħa pubbika, sussidju fuq kirjiet kummerċjali għal sitt xhur u skema ta’ sussidju għall-kiri lil familji li jsofru minn qgħad jew telf fid-dħul ta’ aktar minn 30%

Minn naħa tas-settur turistiku għandha tiġi introdotta kampanja ta’ promozzjoni għal pajjiżna sabiex dawk it-turisti li jqattgħu aktar minn 6 iljieli f’lukanda ikollhom lejl ta’ akkomodazzjoni mingħajr ħlas.

Mistoqsi dwar l-ispiżi ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet is-Segretarju Ġenerali tal-MEA qal li ma jista’ jagħti l-ebda ċifra eżatta…. iżda jista’ jkun li l-ispiża tlaħħaq il-miljuni ta’ ewro. Dan filwaqt li nnota li Malta tista’ tagħmel użu minn fondi li qed tingħata mill-Unjoni Ewropea b’rabta mal-istess pandemija tal-Covid-19.

87 fil-mija tan-negozji diga’ rrappurtaw telf fin-negozju. Terz minn dawk li kellhom telf fin-negozju, kellom telf ta’ aktar minn 75 fil-mija.