Il-Qorti tal-Maġistrati ta’ Għawdex ma sabitx ħati lil Jonathan Roger Portelli ta’ 38 sena mir-Rabat, Għawdex u residenti l-Munxar, li naqas milli jħares xi wahda mill-kundizzjonijiet tal-helsien mill-arrest imposti fuqu mill-Magistrat Paul Coppini b’digriet tal-11 ta’ Ottubru 2013.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Brigitte Sultana għalhekk ma laqgħetx it-talba tal-Prosekuzzjoni biex tirrevoka l-ħelsien mill-arrest ta’ Portelli, u tordna l-arrest mill-gdid tiegħu, kif ukoll biex il-garanzija personali tgħaddi favur il-Gvern ta’ Malta.
Matul is-smigħ tal-kawża irriżulta li l-Prosekuzzjoni kienet qed tibbaza l-akkuża tagħha fuq il-ksur tat-tielet kundizzjoni fejn l-akkużat kien marbut li ma jkellimx jew javviċina la direttament u anqas indirettament lix-xhieda tal-prosekuzzjoni.
Id-digriet jidentifika min huma ix-xhieda tal-Prosekuzzjoni b’isimhom bhala Christopher Bartolo u Joseph Grech u kien jorbot lil akkuċat illi lanqas ma jista’ jersaq lejn ir-residenza ta dawn ix-xhieda.
Fis-seduta tad-29 ta’ Mejju, 2020 il-Prosekuzzjoni ippreżentat tliet xhieda kif ukoll filmat meħud mill-camera tas-sigurtà tal-Bank of Valletta li jinsab fi triq it-Tiġrija, Victoria, kif ukoll stills li juru lill-akkużat u l-vettura tax-xhud Joseph Grech fi Triq it-Tiġrija, Victoria.
Mix-xhieda ta’ l-Ispettur Bernard Charles Spiteri li mexxa l-Prosekuzzjoni rriżulta illi r-rapport li daħal għand il-Pulizija sar minn Joseph Grech li huwa l-istess persuna identifikata bhala xhud fid-digriet.
Xehed ukoll Joseph Grech u qal li l-akkużat resaq viċin tiegħu tliet darbiet.Darba meta kien fil-parkeġġ ħdejn il-venda tal-karozzi tal-linja , Victoria.
Jgħid li dakinhar l-akkużat rah u baqa’ jsuq warajh sakemm imbagħad baqa’ sejjer fi triqtu, darb’oħra kien f’hanut li jismu “Beehive”, fejn mar jieħu kafe, daħal l-akkużat ma terz u għadda kliem offensiv u t-tielet darba meta kien għaddej isuq fi Triq it-Tiġrija, Rabat, l-akkużat għamillu mossa oxxena.
Din l-aħħar darba dan ix-xhud jgħid illi miegħu kien hemm żewġ persuni oħra u r-rapport għamlu wara dan l-inċident. Xehed ukoll Lee Camilleri li rrepeta l-verżjoni li ta’ Joseph Grech iżda meta muri r-ritratti ma setgħax jikkonferma li l-persuna li kien hemm fir-ritratti kienet l-akkuħat u lanqas seta jgħid b’ċertezza li l-karozza kienet dik misjuqa minn Joseph Grech.
Dan ix-xhud qal illi huma marru l-Bank u wara daħlu fil-karozza. Huwa rikeb fuq wara, n-naħa tax-xellug, wara l-passiġġier ta’ quddiem. Ikkonferma illi ra lil akkużat jagħmel il-mossa oxxena fid-direzzjoni tagħhom.
Xehed Josè Barbetti u filwaqt li afferma li setgħa jaraf lil akkużat fir-ritratti ikkonferma li huwa kien riekeb fil-karozza ma Grech u Camilleri, maġenb ix-xufier fuq quddiem.
Xehed illi waqt li Grech kien qed isuq huma raw lil akkuzat jagħmel il-mossa oxxena u għall-ewwel ix-xhud ħaseb illi kienet diretta għalih iħda Grech qallu li kienet intenzjonata għalih.
Fid-dawl ta’ dawn il-provi l-Qorti qalet li jirriżulta illi l-lok li fiha seħħ l-allegat inċident kien triq it-Tiġrija, Victoria. Rigward l-allegat mossa oxxena, il-Qorti analizzat sew ir-ritratti kif ukoll il-kontenut tal-filmat u ma setgħetx tikkonkludi definittivament illi l-akkużat effettivament għamel is-sinjal oxxen kif qed tallega il-Prosekuzzjoni.
Peress li l-filmat ma hux ċar x’għadda, jekk għadda, bejn l-akkużat u x-xhud Grech, il-Qorti fliet bir-reqqa il-verżjoni mogħtija mix-xhieda prodotti mill-Prosekuzzjoni.
Il-Qorti qalet li ma tistax ma tinnutax illi Joseph Grech irrakonta tliet inċidenti fejn skond hu l-akkużat resaq lejh, għadda kummenti u darb’oħra għamillu sinjal oxxen, iżda minkejja dan għażel illi jagħmel rapport wieħed biss.
Allegatament l-akkużat għamel il-mossa oxxena. Huwa minnu illi fir-rapport jissemmew id-drabi l-oħra elenkati mix-xhud meta l-akkużat qal diskors dirett lejh madankollu dan ix-xhud għażel illi jirrakkonta dawn l-inċidenti żmien wara li seħħew. Dan il-fatt waħdu jtappan il-kredibilità tal-verżjoni mogħtija minn Joseph Grech.
Il-Qorti wkoll ma tistax ma tinnutax kif l-allegata mossa oxxena seħħet fi Triq it-Tiġrija ftit passi l-bogħod mill-għassa tal-pulizija, fl-10.00am. u Joseph Grech għażel li jagħmel ir-rapport fl-4.00pm.
Rigward ix-xhud Lee Camilleri, dan ma setgħa jagħraf xejn mill-istills u lanqas setgħa jidentifika lill-akkuħat. Madankollu qal illi ra lil akkużat jagħmel il-mossa oxxena u li hu kien fil-karozza ma’ Grech u Barbetti, riekeb fuq wara, in-naħa tax-xellug.
Minn naħa ta’ Josè Barbetti dan jgħid illi dak inhar ta’ l-inżident huwa kien fil-karozza ma Joseph Grech u Lee Camilleri u kienu r-Rabat u li l-akkużat għamel il-mossa oxxena meta kienu waslu quddiem l-istabbiliment Duke’s. Imbagħad ftit wara jgħid illi kollox seħħ hdejn il-venda tal-karozza tal-linja li tinsab bejn il-Bank of Valletta u Duke’s.
Jgħid ukoll illi l-akkużat gibed il-flus mill-ATM tal-Bank of Valletta u jgħid illi rah ukoll nieżel lejn Duke’s. Dan ifisser illi x-xhieda kienu telgħin fi Triq it-Tiġrija, rekbin fil-karozza ta’ Joseph Grech u li l-akkużat kien nieżel l-isfel fid-direzzjonii opposta.
Barbetti jixhed wkoll illi ra lil akkużat jaghmel il-mossa u li Grech spjegalu li dik il-mossa kienet diretta għalih ( jiġifieri għal Grech). Minn analiżi ta’ dawn il-fatti kif rakkontati, l-Qorti qalet li d-dettal mogħti minn dan ix-xhud rigward x’kien qed jagħmel l-akkużat, fl-1-.00am. fi Triq it-Tiġrija, li l-Qorti tinnota hija triq prinċipali u passaġġuża ferm, jindika illi l-persuni fl-karozza kienu gżssa mhux ħażin ta’ l-akkuzat.
Barra minn hekk il-Qorti tirrileva wkoll illi mix-xhieda jirriżulta li Joseph Grech kien qed isuq u allura huwa ferm dubjuż kemm effettivament ra dak illi jallega fir-rapport aktar u aktar meta il-mossa allegata hija biss ta’ ftit sekondi.
Anke meta analizzati l-provi kollha ppreżentati mill-Prosekuzzjoni u mhux kontradetti mid-difiza jirriżulta li l-akkużat mar l-ATM jiġbed ilflus u kien fi triqtu l-isfel sejjer lejn Duke’s, li inċidentalment hija fejn tirrisjedi ommu, filwaqt li Joseph Grech u żewġ xhieda l-oħra kienu fil-vettura tax-xhud Grech telgħin il-fuq.
Dan kollu jfisser li ma jirriżultax illi l-akkużat kien intenzjonalment nieżel minn dik it-triq sabiex javviċina lix-xhud. Ma nġabet ebda prova li Portelli kien qed isegwi lil Grech. Jirrizulta biss illi Portelli u Grech inzertaw għaddejjn mill-istess inhawi.
Tajjeb ukoll jingħad illi t-tielet kundizzjoni tal-ħelsien mill-arrest tagħmilha ċara illi l-akkużat ma setgħax la javviċna u lanqas ikellem, direttament jew indirettament lil xi xhud. Pero mill-provi kollha mressqa l-ebda waħda ma kienet tipprova suffiċjentement sal-grad rikjest fil-kamp kriminali li l-akkużat avviċina jew kellem lix-xhud Joseph Grech.
Dan qed jingħad fejn trid issir distinzjoni bejn akkużat illi javviċina xhud intenzjonalment u akkużat illi b’kumbinazzjoni jkun għaddej mill-istess post li jinzerta jkun għaddej minnu ix-xhud.
Ebda prova ma nġabet li Portelli kellu l-intenzjoni illi javviċina jew ikellem lil Grech. Grech inniffsu afferma illi f’incident minnhom, hu ra lill-akkużat għaddej bil-mutur meta huwa kien ipparkjat.
L-akkużat kien għaddej fi triqtu. Darb’oħra meta dan ix-xhud kien qed jixtri il-kafe daħal l-akkużat fl-istess ħanut iżda meta ra lix-xhud hemm reġa’ ħareġ.
Għalkemm ix-xhud jafferma illi dak inhar Portelli għadda kummenti spreġġjattivi fil-konfront tiegħu madankollu Grech għażel illi jirrakkonta dan kollu żmien wara. Għaldaqstant l-opinjoni tal-Qorti hija illi l-akkuħa kontra Jonathan Roger Portelli ma ġietx ippruvata.
//= $special ?>