Fil-pjan tal-ħidma tal-PN li ħejja biex naffaċċjaw l-isfidi u noħolqu l-opportunitajiet futuri ta’ Malta u Għawdex, hemm erba’ temi li se jiddefinixxu l-ħidma li l-PN se jressaq quddiem l-elettorat Malti bil-għan ċar ta’ qafas ta’ gvern alternattiv b’viżjoni, iffukat u bil-ġid komuni fiċ-ċentru tal-iżvilupp politiku tiegħu:
- Viżjoni Soċjo-Ekonomika Malta 2030
- Valuri umani f’soċjeta’ moderna
- Governanza tajba
- Outreach
Dawn l-erba’ temi se jitmexxew minn Claudio Grech, Claudette Buttigieg, Karol Aquilina u Roberta Metsola rispettivament.
Fl-isfond ta’ dawn it-temi hemm 14-il cluster ta’ politika u kull Cluster se jikkonstitwixxi f’tim magħmul minn Membri Parlamentari, kelliema u esperti minn kull qasam.
- Benesseri soċjali
Jiffoka fil-mobbilta’ soċjali bl-għan li nibdew neliminaw il-faqar f’pajjiżna; u l-ħarsien lejn il-persuna mill-aspetti kollha tagħha sabiex verament kulħadd jgħix b’dinjita u bi dħul adekwat. Dan il-cluster hu magħmul minn David Agius, Ivan Bartolo, David Casa u Graziella Attard Previ.
2. Kwalità tal-ħajja u saħħa
Jiffoka fuq il-mod ta’ kif ħajjitna, mill-ispazji pubbliċi għall-mod kif nibbilanċjaw ix-xogħol, il-familja u l-attivitajiet li jżommuna sani u b’saħħitna; filwaqt li nelevaw is-servizzi tas-saħħa pubblika u dawk privati fl-ogħla livelli li jeżistu fuq skala globali. Dan il-cluster hu magħmul minn Stephen Spiteri, Robert Cutajar, Maria Deguara, Mario Galea u Paula Mifsud Bonnici.
3. Ekonomija ta’ għada
Jiffoka fuq il-ħidma biex noħorġu mill-kriżi tal-COVID-19 biex nittrasformaw l-ekonomija tagħna f’waħda iktar innovattiva, mibnija fuq il-valur miżjud; kif ukoll b’aktar spazji miftuħa, b’industrija tat-turiżmu li tiffoka fuq il-kwalita’ u mhux biss fuq il-volum. Dan il-cluster hu magħmul minn Robert Arrigo, Hermann Schiavone u John Rapa.
4. Ambjent
Jiffoka fuq bidla radikali fil-politika ambjentali ta’ pajjiżna billi niffurmaw allejanza b’saħħitha ta’ dawk kollha li verament għandhom għal qalbhom l-ambjent ta’ pajjiżna; u nibnu qafas fejn il-prijorita’ tal-protezzjoni tal-ambjent tkun parti integrali tal-politika tagħna. Dan il-Cluster hu magħmul minn David Thake, Kevin Cutajar, Edwin Vassallo u Bernard Grech.
5. Infrastruttura u Riżorsi
Jiffoka fuq aktar enerġija nadifa bi prezzijiet ġusti, bil-kontroll tal-provvista ta’ l-elettriku, u billi nilleġislaw master plan infrastrutturali tal-iżvilupp li ma’ jippermetti l-ebda kompromess mas-sostennibbilta’ u jkun ikopri l-iżvilupp tan-networks ewlenin li pajjiżna għandu bżonn biex ikun kompetittiv, modern u avvanzat. Dan il-cluster hu magħmul minn Toni Bezzina, Ryan Callus u Janice Chetcuti.
6. Sigurtà
Jiffoka fuq il-bini ta’ qafas ġdid ta’ politika integrata ta’ sigurta’ nazzjonali li tgħaqqad fiha l-forzi ta’ l-ordni kollha u taħdem b’kompetenza, integrita u kredibbilita’ sabiex tipproteġi liċ-ċittadini tagħna; filwaqt li nagħmlu użu estensiv mill-għodda tat-teknoloġija biex insaħħu il-ħidma tal-forzi ta’ l-ordni kontra l-kriminalita’ organizzata, t-traffikar tad-droga, t-traffikar tal-persuni, cyber crime u l-ħasil tal-flus. Dan il-cluster hu magħmul minn Beppe Fenech Adami u Graziella Galea.
7. Ġustizzja u tisħiħ tad-demokrazija
Jiffoka fuq it-twettiq ta’ riforma li verament tikkontribwixxi biex is-saltna tad-dritt u l-amministrazzjoni sħiħa tal-ġustizzja jkunu l-pilastri li fuqhom nistgħu nerġgħu nibdew nibnu r-reputazzjoni tal-ġurisdizzjoni tagħna; bl-użu ta’ mezzi moderni diġitali biex l-operat tal-Qrati ta’ pajjiżna jiġi modernizzat u ffukat biex jaqdi lill-poplu b’mod iktar effiċjenti. Dan il-cluster hu magħmul minn Jason Azzopardi u Joe Giglio.
8. Ekosistema għal Għawdex
Biex Għawdex isir ċentru ta’ sostennibbilta’, sofistikazzjoni industrijali u sbuħija naturali fir-reġjun kollu b’qafas b’saħħtu u sħiħ ta’ servizzi pubbliċi, infrastruttura u tmexxija, biex jitkattar investiment adattat għall-gżira Għawdxija. Dan il-cluster hu magħmul minn Chris Said, Frederick Azzopardi u Alex Borg.
9. Tassazzjoni u dħul fiskali
Jiffoka fuq mudell ta’ tassazzjoni modernizzat sabiex il-Gvern ikun jista’ jiġġenera aktar dħul filwaqt li jżomm il-piż tat-taxxi fuq il-familji Maltin u Għawdxin baxx kemm jista’ jkun. Fl-istess waqt naraw li s-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea ssarraf f’iktar fondi u investiment għall-pajjiżna. Dan il-cluster hu magħmul minn Mario De Marco, Kristy Debono u Graham Bencini.
10. Servizz pubbliku
Billi nagħmluh il-mutur tat-tfassil tal-amministrazzjoni pubblika fuq bażi permanenti li tkun indipendenti mill-Gvern tal-ġurnata, kemm fuq bażi ċentrali kif ukoll fuq dik lokali; u bl-użu tat-teknoloġija fil-mod ta’ kif inwasslu s-servizzi pubbliċi biex naqdu n-nies aħjar u b’mod effiċjenti. Dan il-cluster hu magħmul minn Therese Comodini Cachia u Amanda Abela.
11. Tekonoloġija avvanzata u innovazzjoni
Tekonoloġija avvanzata u innovazzjoni billi ndaħħluhom f’kull aspett tal-amministrazzjoni pubblika u billi ninċentivaw lis-settur privat biex ikun il-mutur ewlieni fit-twettiq ta’ din il-viżjoni, filwaqt li nkabbru pjattaforma nazzjonali ta’ riċerka biex pajjiżna jibni sensiela ta’ kompetenzi vertikali f’oqsma bħall-intelliġenza artifiċjali, r-robotika u l-internet of things u niżvillupawhom f’setturi ekonomiċi b’saħħithom li jrendu għal pajjiżna. Dan il-cluster hu magħmul minn Ivan J Bartolo u Gabriel Micallef.
12. Soċjeta mibnija fuq l-għerf
Soċjeta mibnija fuq l-għerf billi nibnu fuq il-ħiliet akkademiċi u edukattivi ta’ pajjiżna u nsaħħuhom billi nfasslu mudelli ta’ taħriġ u edukazzjoni li jkattru t-talent lokali u jiġbdu talent eċċezzjonali minn barra xtutna. Dan kollu fi sfond ta’ sforz nazzjonali ta’ investiment dejjem akbar f’mezzi diġitali li jgħinu lill-edukaturi tagħna ikunu dejjem aktar effettivi fil-ħidma tagħhom għat-tagħlim fl-istituzzjonijiet edukattivi. Dan il-cluster hu magħmul minn Clyde Puli u Roselyn Borg Knight.
13. Identita’ nazzjonali f’dinja globali
Bi sforz lokali, Ewropew u globali biex nibdew insewwu l-ħsara li saret lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna billi nwasslu u kif pajjiżna jgħożż is-saltna tad-dritt f’ġurisdizzjoni moderna, innovattiva u sigura, filwaqt li nwasslu lid-dinja l-vera karatteristiċi Maltin. Dan il-cluster hu magħmul minn Carm Mifsud Bonnici u Peter Agius.
14. Popolazzjoni, integrazzjoni u immigrazzjoni
Billi naħdmu biex inkunu nistgħu nifformulaw politika li tkun tista’ tara li l-infrastruttura, s-sistemi u l-komunitajiet tagħna jkunu ppreparati biżżejjed biex jilqgħu għall-bidliet fil-popolazzjoni fuq bażi staġjonali kif ukoll f’dik residenzjali aktar fit-tul; filwaqt li nibnu politika ta’ immigrazzjoni li teradika il-popoliżmu u r-razziżmu u tkun mibnija fuq metodi li jkunu jirrispettaw il-limitazzjonijiet tal-kapjenza ta’ pajjiżna. Dan il-cluster hu magħmul minn Karl Gouder u Alessia Psaila Zammit.
//= $special ?>