Edukazzjoni Lokali

Qed isseħħ inġustizzja mal-edukaturi tas-snin bikrija

L-istess Assoċjazzjoni qalet li l-Att tal-Edukazzjoni mhux jirrikonoxxi l-valur tal-edukaturi kollha.

Fi stqarrija l-ECDAM (Early Childhood Development Association of Malta) qalet li tinsab mħassba li l-Att dwar l-Edukazzjoni qed joħloq kundizzjonijiet inġusti u xkiel għat-tfal kollha biex ikollhom aċċess għall-edukazzjoni bikrija ta’ kwalità.

L-edukaturi li jaħdmu ma’ tfal sa 5 snin, inkluż dawk li gradwaw b’Baċellerat fil-Kura u l-Edukazzjoni tat-tfal fis-snin bikrija, mill-Università ta’ Malta, huma l-aktar edukaturi li qed jitħallsu b’pagi baxxi.

L-istqarrija kompliet tgħid li jekk dawn l-edukaturi wkoll jagħżlu li jkomplu jistudjaw f’livell ta’ Master, u jibqgħu jaħdmu fil-qasam edukattiv tas-snin bikrija, xorta waħda se jkunu qed jitħallsu anqas mill-edukaturi li jaħdmu fl-iskejjel Primarji.

Huma qalu li sitwazzjoni bħal din qed twassal messaġġ li l-professjoni tal-edukaturi li jaħdmu ma’ tfal, fi snin kruċjali għall-iżvilupp tagħhom mhux apprezzati.

L-istess Assoċjazzjoni qalet li l-Att tal-Edukazzjoni mhux jirrikonoxxi l-valur tal-edukaturi kollha.

L-ECDAM qalu li l-kundizzjonijiet preżenti huma inġusti, u li din il-professjoni edukattiva tixraq aktar rikkonoximent. Huwa komplew billi qalu li huwa ċar li l-ħidma b’saħħitha fis-snin bikrija, tħalli żgur mhux forsi riżultati aħjar għall-futur, u huwa għalhekk li jeħtieġ li din il-professjoni edukattiva tingħata l-widen u l-importanza meħtieġa.