Lokali

Robert Abela spiċċa ostaġġ ta’ Chris Cardona u Keith Schembri – PN

Stqarrija tal-PN iffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Governanza Tajba, Tisħiħ tad-Demokrazija, għaċ-Ċittadinanza u r-Riforma tas-Servizz Pubbliku, Karol Aquilina qalet li wara inqas minn ħames xhur, il-Prim Ministru Robert Abela spiċċa ostaġġ ta’ Chris Cardona u Keith Schembri.

Karol Aquilina saħaq li l-intervisti li Chris Cardona għoġbu jagħti lil diversi mezzi tax-xandir jikkonfermaw li Chris Cardona u Keith Schembri spiċċaw jiddefendu lil xulxin u qegħdin jikkontrollaw lill-Prim Ministru Robert Abela.

F’dawn l-intervisti Chris Cardona spiċċa jammetti li kieku kien hu l-Maġistrat Inkwirenti dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia kien jagħżel li jibgħat għalih innifsu biex jiġi interoggat, kompliet tgħid l-istqarrija tal-PN.

Karol Aquilina saqaħ li quddiem dan kollu Robert Abela qed jibqa’ ċass u qed iħalli lil Chris Cardona u Keith Schembri jikkontrollaw lilu u lill-Gvern u l-Partit immexxija minnu.

Il-Partit Nazzjonalista u l-poplu Malti u Għawdxi bir-raġun jistaqsu:

  1. Liema Prim Ministru ta’ pajjiż serju jżomm ma’ djulu Deputat Mexxej tal-Partit tiegħu stess li huwa implikat f’assassinju ta’ ġurnalista?
  2. Liema Prim Ministru ta’ pajjiż li jirrispetta u josserva s-saltna ta’ dritt ma jistaqsix u jinsistix dwar il-fatt li l-Pulizija għadha m’arrestatx lil Chris Cardona u lil Keith Schembri?
  3. Għaliex Chris Cardona qed jiddefendi wkoll lil Keith Schembri u qed jgħid li waslulu messaġġi minn nies viċin Keith Schembri?
  4. Xi qbil kien hemm bejn Robert Abela u Chris Cardona meta ltaqgħu?
  5. X’inhi r-raġuni vera tar-riżenja ta’ Chris Cardona?
  6. X’qed jaħbi lill-pajjiż Robert Abela?
  7. Il-Kabinett għadu konvint li Chris Cardona spiċċa fi frame up? Minn min?

L-istqarrija temmet tgħid li llum il-ġurnata kulħadd jaf min huma Chris Cardona u Keith Schembri. Kulħadd jaf li jaslu għal kollox. Li jonqos inkunu nafu huwa għaliex Robert Abela spiċċa ostaġġ ta’ Chris Cardona u Keith Schembri. Iż-żejt dejjem jitla’ f’wiċċ l-ilma.