Lokali Qorti

Sidien ta’ propjetà fil-Belt Valletta jingħataw €33,400 f’danni

Is-sidien ta’ appartament li jifforma parti minn blokk prominenti tal-Belt Valletta, ingħataw €33,400 bħala kumpens, wara sentenza oħra li bħalha diġa’ ngħataw fejn ġie ddikjarat ksur fil-liġijiet tal-kera fejn jirrigwardja s-sidien

Il-każ seħħ wara rikors ppreżentat mill-familja Vincenti fl-2017, fejn dawn qalu li kienu ġew imċaħħda mit-tgawdija tal-propjetà tagħhom, appartament li jinsab ċentralment li kien ilu jintuża għal ħafna snin bħala r-residenza ordinarja tal-familja Herrera.

Il-propjetà fil-Bini Vincenti kienet oriġinarjament ingħatat lill-okkupanti fl-1974, taħt it-titolu ta’ enfitewsi temporanja għal 17-il sena fuq kera ta’ art annwali ta’ Lm130 (€302.82).

Mal-iskadenza ta’ dak it-terminu fl-1991, il-partijiet iffirmaw konċessjoni enfitewtika ġdida għal 21 sena, bid-doppju tal-kera. Meta dik il-konċessjoni kienet waslet biex tiskadi fl-2012, il-partijiet iffirmaw ftehim ta’ kera għal 15-il sena bi €843.51 kera annwali.

Ħames snin wara, il-proprjetarji bdew proċeduri kostituzzjonali, fejn sostnew li l-istat ta’ kif seħħew l-affarijiet kien jammonta għal ksur tad-dritt tagħhom għat-tgawdija paċifika tal-propjetà tagħhom skont il-Kostituzzjoni kif ukoll skont il-Konvenzjoni Ewropea.

Il-proprjetarji argumentaw li, f’termini tar-reġim legali applikabbli, kienu mġiegħla jagħmlu ftehim ta’ kiri ladarba l-enfitewsi temporanja skadiet u kellhom isofru t-tiġdid ta’ dak il-kiri għal żmien indefinit.

Sitwazzjoni bħal din fissret li ma setgħux jieħdu lura l-pussess tal-propjetà tagħhom u lanqas igawdu l-potenzjal sħiħ tal-kiri tagħha. Perit maħtur mill-Qorti kien stima li fl-2018 il-valur tas-suq tal-appartament kien ta’ €400,000, b’valur ta’ kiri ta’ €16,000.

Il-Prim Awla, Qorti Ċivili, fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali tagħha, ippreseduta mis-Sinjura Imħallef Joanne Vella Cuschieri, osservat li r-rikorrenti kienu mgħobbija b’miżuri soċjali imposti minn liġijiet li ilhom fis-seħħ “għal numru twil ta ‘snin,” li rriżultat f’ ksur tad-drittijiet tas-sidien.

L-appartament inkwistjoni kien jifforma parti minn blokk ta’ uffiċini “prominenti” u għalkemm kien użat bħala residenza ordinarja tal-kerrejja, il-kera kienet madankollu waħda “medjokri”.

Il-Qorti tat lis-sidien €30,400 bħala kumpens għall-ħlas relattiv għat-terminu mill-bidu tal-kera fl-2012. Il-Qorti tat €3,000 addizzjonali għal danni morali. Is-somma totali kellha titħallas mill-Istat “li kien responsabbli għall-promulgazzjoni tal-liġijiet” u li d-dmir tiegħu kien li jiżgura li dawk il-liġijiet ma jirriżultawx f’telf inġust u sproporzjonat ta’ ekwilibriju bejn id-drittijiet personali u l-obbligi tal-Istat.