Mara ħalliela mgħobbija bi problema akuta ta’ droga, li mhux l-ewwel darba li ppreżentat ruħha bħala ħaddiem tal-kura tas-saħħa biex tisraq vittma anzjana għal darba oħra ntbagħatet il-ħabs wara li ammettiet l-akkużi miġjubin kontriha.
Natalie Bonello, 45 sena, ta’ Marsaskala kienet ikkundannata tliet snin ħabs mill-Maġistrat Marseanne Farrugia, wara li biddlet fehemitha wara li kienet qalet mhux ħatja għal waħda ta’ ammissjoni.
Bonello kienet tressqet f’April li għadda, akkużata li għamlitha ta’ ħaddiem tas-saħħa biex tikseb aċċess għad-dar tal-vittma anzjana tagħha fi Frar. Imbagħad l-anzjana spiċċat misruqa diversi ġojjelli li kellha. Il-Qorti kienet infurmata li Bonello kienet diġa marret il-ħabs għal delitti simili fil-passat.
F’April, hija kienet kundannata għal 30 xahar ħabs minħabba l-involviment tagħha f’każ separat ta’ serq u ntbagħtet għal 18-il xahar ħabs addizzjonali talli serqet numru ta’ nisa anzjani fejn kienet għamlitha ta’ ħaddiem tal-kura tas-saħħa tagħha u li kienet mibgħuta mill-isptar.
Assistita mill-avukat Veronica Spiteri, Bonello ammettiet l-akkużi miġjuba kontriha, wara li ġiet mwissija li kienet qed tiffaċċa massimu ta’ 12-il sena ħabs. Spiteri spjegat li l-mara kellha problema ta’ droga u kienet lesta li tissottomettiha għal trattament waqt li tkun il-ħabs.
Fis-sottomissjonijiet tiegħu dwar il-piena l-Ispettur Jonathan Ransley informa lill-Qorti li Bonello kkooperat mal-Pulizija u għenithom isolvu sitt każijiet oħra pendenti fuq serq. Il-Qorti, wara li semgħet l-argumenti taż-żewġ naħat dwar liema kastig għandha tingħata, imponiet sentenza ta’ kustodja ta’ tliet snin fuq il-mara.
//= $special ?>